Aktar minn ħames tunnellati raża tal-kannabis, li l-valur tagħhom jammonta għal €7,450,000 kienu interċettati mill-uffiċjali tad-Dwana fil-Freeport.
Din kienet it-tieni l-akbar sejba ta’ droga f’Malta.
Id-droga nstabet f’kontejner li wasal Malta minn Spanja. Il-kontejner kien interċettat nhar it-Tlieta, bl-operazzjoni kompliet sa kmieni dalgħodu.
B’kollox, fil-kontejner, li suppost kien qed iġorr bħal-lożor kbar ta’ plastik iswed li jintuża fil-biedja, instabu 5,020 kilogramma reżina tal-kannabis.
Il-kontejner kien indirizzat għal kumpanija rreġistrata f’Malta.
Bejn dawn “il-lożor tal-plastik” instabu ċilindri li fihom kien hemm id-droga mgeżwra fil-foam.