€3 miljuni oħra lit-Technoline, kumpanija ffurmata b'self mill-VGH
- Fl-istess jum li Fearne sostna li l-kuntratt tat-Technoline mal-VGH se jaqa’ (fid-dawl ta’ dubji serji dwar il-kumpanija) il-Ministeru tiegħu kien qed jagħti €3 miljuni f’kuntratti lill-istess Technoline
- Mal-ILLUM jgħid li l-Ministeru ma jistax jindaħal fil-proċess ta’ għoti ta’ tenders
minn DO NOT USE
Fl-istess ġurnata li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li ma jaqbel xejn mal-kuntratt esklussiv iffirmat bejn il-VGH u t-Technoline Ltd, għax-xiri tat-tagħmir mediku għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u għall-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech, il-kumpanija ta’ Ivan Vassallo kienet qed tingħata żewġ kuntratti, b’valur totali ta’ €3.2 miljun, għal tagħmir mediku fil-Paola Hub.
Il-gazzetta ILLUM qed tiżvela dan fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar jiem ġie żvelat u kkonfermat li Ivan Vassallo kien xtara lit-Technoline wara li ssellef mingħand is-sidien tal-Vitals Global Health Care, liema kumpanija kellha tbigħ, wara ftit xhur biss, il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward Health Care.
Id-dettalji tat-tenders..
It-tender (CT3090/2017), maħruġ mill-Ministeru għas-Saħħa fi Frar tas-sena li għaddiet u li l-kuntratti dwaru ngħataw il-Ħamis li għadda, kien dwar tagħmir mediku, li jinkludi apparat tal-IT li jaħdem “b’enerġija effiċjenti,” u “tagħmir anċillari” ieħor għall-hub mediku l-ġdid f’Raħal il-ġdid.
Dan it-tender, li għalih japplikaw fondi Ewropej, kien maqsum f’erba’ lots, bi tnejn minnhom (l-ewwel u r-raba’) jintrebħu mit-Technoline. L-ewwel lot (€3,166,527) li rebaħ Vassallo kien jinkludi tagħmir li jintuża waqt l-operazzjonijiet u l-kura intensiva, u t-tieni wieħed (€37,084) kien dwar tagħmir ieħor (point of care equipment) li jintuża mill-infermiera għall-kura tal-pazjenti.
It-tieni lot ma ntrebaħ mill-ebda kumpanija, filwaqt li t-tielet lot intrebaħ minn AM Mangion Ltd għall-valur ta’ €92,268.
Anke jekk it-Technoline għandha kull dritt titfa’ l-offerta tagħha u tintgħażel għax l-offerta tagħha tkun l-aħjar waħda, fornitur ta’ tagħmir mediku u sors ta’ din il-gazzetta insista li mat-Technoline ma sarx hemm kompetizzjoni.
“Tenders kbar jinħarġu apposta, bi speċifikazzjonijiet preċiżi u b’tali mod li jintrebħu minn Ivan Vassallo,” allega s-sors. “Jien sirt nifraħ anke jekk imqar nirbaħ tender ta’ €2,000.”
Dwar dan, din il-gazzetta ppruvat tagħmel kuntatt ma’ Ivan Vassallo iżda minkejja d-diversi tentattivi, is-segretarja tal-kumpanija dejjem qaltilna li Vassallo huwa indispost. Minkejja li ħallejna l-kuntatt tagħna, sal-ħin tal-pubblikazzjoni, Vassallo baqa’ ma kellimx lill-gazzetta.
Il-Ministru Fearne jirrispondi...
Intant din il-gazzetta bagħtet numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Chris Fearne. L-ewwel nett staqsiet jekk fid-dawl tal-fatt illi nhar il-Ħamis huwa kkritika l-ftehim tat-Technoline mal-VGH, kellux imqar jagħmel referenza għall-fatt li dakinhar stess hu kien qed jgħaddi żewġ kuntratti ta’ €3 miljuni lit-Technoline. L-ILLUM staqsiet ukoll jekk fid-dawl ta’ stejjer li jitfgħu lit-Technoline f’dell ikrah iħossx li kien jagħmel aktar sens jistenna l-investigazzjoni dwar il-kuntratt tal-VGH li beda hu stess tispiċċa.
Fearne beda billi ċċara li l-kuntratt kien ftehim purament bejn żewġ operaturi privati “li fih il-Gvern m’għandu ebda involviment.” Huwa kompla jgħid illi l-Gvern ma jistax jindaħal fil-proċess tal-għoti tat-tenders. “L-għoti tat-tenders kollha tal-Paola Hub saru wara proċess ta’ sejħa kompetittiva li saret skont il-liġi. Fil-fatt huwa kontra kull prassi ta’ governanza tajba li politiku jindaħal jew jipprova jinfluwenza proċess kompetitiv ta’ tenders.”
Steward beħsiebha ‘tbiddel’ il-ftehim
Intant, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Steward Health Care jekk dak żvelat fl-aħħar jiem hux se jkollu impatt fuq l-iskrutinju li qed tagħmel fuq il-kuntratt iffirmat bejn il-VGH u t-Technoline.
Għalkemm ma kkonfermatx kelma b’kelma dak li qal il-Ministru Fearne, jiġifieri li Steward qed jaħdmu biex dan il-kuntratt ikun maħlul malajr kemm jista’ jkun, kelliema għal Steward saħqet li se jkun hemm bidliet fil-ftehimiet eżistenti.
L-istess kelliema saħqet li l-kumpanija Technoline hija stabbilita u ta’ min jafdaha għax ilha snin tipprovdi faċilitajiet u tagħmir għall-isptarijiet Maltin inkluż it-tliet sptarijiet li tmexxi hi.
“Filwaqt li nantiċipaw xi tibdiliet fil-ftehim eżistenti, nistennew li nkomplu naħdmu magħhom fil-futur ukoll,” kompliet tgħidilna.
Mitluba tiċċara jekk it-tibdiliet hux se jkollhom impatt fuq l-esklussività li sa issa tgawdi minnha t-Technoline, kif qal il-Ministru Fearne, il-kelliema qalet biss li minħabba ċ-ċokon tas-suq lokali, Steward Health Care ma tista’ telimina lil ħadd, anke għax ċertu tagħmir ikun iġibu fornitur wieħed biss.
Il-kelliema kkonfermat ukoll li ħafna mill-iskrutinju li kienet qed tagħmel fuq il-kuntratti kollha li ffirmaw tal-VGH, fil-21 xahar li għamlu jmexxu t-tliet sptarijiet, huwa komplut, iżda hemm kuntratti oħra, aktar kumplessi, li l-iskrutinju dwarhom għadu għaddej.
X’konna nafu sa issa dwar it-Technoline?
Il-VGH kienet fdat lit-Technoline b’kuntratt esklussiv għax-xiri tat-tagħmir mediku fit-tliet sptarijiet li ħadet f’idha minn Ġunju 2016.
Dan kien ifisser li kumpaniji oħra li wkoll jipprovdu tagħmir mediku, jekk riedu jbigħu lill-VGH jew issa lil Steward, l-ewwel iridu jgħaddu minn taħt idejn it-Technoline, kompetitur tagħhom.
Is-sid ta’ din il-kumpanija huwa Ivan Vassallo. Qabel ma l-kumpanija ntgħażlet mill-VGH, Vassallo kien marketing manager tagħha, iżda fi ftit xhur, l-istess Vassallo, permezz tal-kumpanija Gateway Solutions, kien xtara lit-Technoline, bl-assi kollha tagħha, mingħand iż-żewġ sidien oriġinali. (Ara l-kaxxi l-oħra.)
X’ġie żvelat dwar it-Technoline?
Kien is-sit Shift News li żvela kif kienu s-sidien tal-VGH li ffinanzjaw ix-xiri tal-kumpanija Technoline għal €5.14-il miljun.
Fi ftit kliem, f’Diċembru tal-2016, ftit xhur qabel ma l-VGH tat il-kuntratt esklussiv lit-Technoline, €5.14-il miljun għaddew mingħand Vitals Procurement f’Jersey għal għand il-kumpanija Gateway Solutions Ltd u li permezz tagħha, Ivan Vassallo xtara t-Technoline.
Is-sidien ta’ Vitals Procurement huma Evergreen Global Ventures, News Horizons Investments u Mount Everest Investments, kumpaniji f’Jersey, li fost is-sidien tagħhom hemm Ray Tumuluri u Shaukat Ali.
Mid-dokumenti ppubblikati jirriżulta li dan is-self kien deskritt bħala ‘convertible note,’ jiġifieri seta’ jinbidel f’ishma fil-kumpanija Gateway Solutions. Effettivament dan ifisser li s-sidien tal-Vitals, meta jridu jistgħu jibdlu dan is-self f’ishma u jieħdu f’idhom lit-Technoline.
Ivan Vassallo kif wieġeb?
Intant, fi stqarrija ppubblikata din il-ġimgħa, Technoline kkonfermat li Vassallo xtara l-kumpanija permezz ta’ self li l-kumpanija Gateway Solutions ħadet mingħand il-VGH.
F’din l-istqarrija, Vassallo ċaħad kategorikament dak li ntqal mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi u Beppe Fenech Adami, u insista li t-Technoline la hija tal-VGH, la ta’ Steward, u tal-ebda individwu relatat mal-Gvern.
“L-uniku Sid Benefiċjarju kemm ta’ Gateway Solutions Ltd. u anke ta’ Technoline Ltd huwa Ivan Vassallo,” tisħaq l-istqarrija.
Dwar l-esklussività mogħtija mill-VGH lit-Technoline, l-istqarrija tiċħad li b’xi mod jew ieħor kien hemm monopolju u tisħaq li l-kumpanija dejjem ħadmet ma’ distributuri oħra għal dak mitlub mill-VGH jew Steward.
Dan anke jekk fornituri u sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM dejjem ikkritikaw dan il-kuntratt u saħqu li dan huwa każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess.
X’kienet żvelat il-gazzetta ILLUM?
Fit-18 ta’ Frar li għadda, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif bejn Ottubru tal-2013 u Mejju tal-2014, il-Gvern xtara b’aktar minn €3.6 miljun f’apparat mediku għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dan l-apparat u miljuni ta’ ewro f’tagħmir ieħor fit-tliet sptarijiet kienu nbiegħu lil VGH għal €1.
Sorsi li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM spjegaw kif minkejja li t-tagħmir mediku li xtara l-Gvern fl-2013 u fl-2014 kien għadu “fi stat tajjeb” il-kumpanija Technoline tqabbdet mill-VGH biex tbiddel ammont minn dan l-apparat.
Dan il-punt kien tqajjem ukoll mis-sit Lovin Malta li kien staqsa lil Ivan Vassallo jekk hux minnu li t-Technoline biegħet ‘blood counter’ u pprovdiet ieħor minkejja li dan ilu tliet snin li nxtara. Vassallo ma kienx wieġeb.
X’kuntratti rebħet it-Technoline fl-aħħar sena?
- April: €312,118 - Tagħmir Mediku f’Mater Dei
- Ġunju: €64,655 - Tagħmir għall-apparat Midas Rex Legend
- Settembru: €109,516 - Tagħmir għal-laboratorji VET f’Malta u Għawdex
- Ottubru: €527,360 - Tagħmir li jintuża għat-trattament tal-Iscoliosis
F’Ottubru, il-konsorzju Ergon —Technoline JV jirbħu tender ta’ €22.2 miljun għall-bini tal-Paola Hub