Investigazzjoni minn awtoritajiet Spanjoli dwar sajd illegali għat-tonn fil-Mediterran qed timplika lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd, Andreina Fenech Farrugia u dan wara li ġew interċettati telefonati, fejn l-istess Fenech Farrugia allegatament tinstema titlob il-ħlas.
Malli ħarġu dawn l-allegazzjonijiet, Andreina Fenech Farrugia, ġiet sospiża immedjatament mill-pożizzjoni tagħha, bil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima jgħid li talab l-assistenza tal-Europol ukoll.
It-traskrizzjonijiet tat-telefonati bejn Fenech Farrugia u wieħed mill-akbar operaturi Spanjoli għas-sajd tat-tonn (bluefin tuna), José Fuentes García, jinsabu f’idejn is-sit tal-aħbarijiet Spanjol El Confidential.
José Fuentes García huwa suspettat li huwa r-responsabbli min-negozju illegali tat-tonn li jħallaq il-valur ta' madwar €25 miljun. Fuentes għandu operatur sussidjarju f’Malta li huwa Mare Blue Fishing.
F’waħda minn dawn il-konverżazzjonijiet, interċettati mill-awtoritajiet fl-20 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet, Fenech Farrugia qalet lil Fuentes: "Qiegħda l-Bulgarija għalik, trid tħallasni għax hawn laqgħa u qiegħda mad-direttur ġenerali (tas-sajd) ta' Brussell."
Dakinhar, Fenech Farrugia kienet qed tirrapreżenta lil Malta f’sensiela ta’ laqgħat dwar is-settur tas-sajd li kienu qed isiru Sofia.
Telefonati oħra juru kif allegatament, Fenech Farrugia kienet ilha snin taħdem ma’ Fuentes Group biex jintroduċi aktar tonn fis-suq.
Is-sajd għal dan it-tip ta' tonn huwa rregolat bi kwoti, iżda investigazzjoni Spanjola kixfet kif ħafna aktar tunnellati ta' tonn kienu ddikjarati u awtorizzati f'fish farms li joperaw f'Malta.
L-investigaturi Spanjoli qed jallegaw li Fenech Farrugia użat il-pożizzjoni tagħha biex dan it-tonn ikun imbagħad esportat lejn il-Ġapan, Spanja u l-Istati Uniti. Hi qed tkun akkużata li kienet qed tixxaħħam minn dan in-negozju.
Fenech Farrugia tiċħad l-allegazzjonijiet
Tard waranofsinhar, Fenech Farrugia ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet u insistiet li hi dejjem osservat l-ogħla standards ta' professjonalità f'xogħolha.
L-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd insistiet li hi dejjem ħadet il-passi neċessarji kontra l-operaturi kull meta kien hemm suspett ta’ illegalitajiet.
Malta se tikkolabora fl-investigazzjoni; il-Europol involuta
Intant, f'kummenti lill-midja, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sajd, Clint Camilleri, qal li Malta se jkun qed tikkolabora bis-sħiħ f'din l-investigazzjoni.
Huwa qal li dan se jkun qiegħed isir fl-aħjar interess tas-settur tas-sajd u l-akwakultura, bil-Gvern jinsab lest li jaħdem mal-awtoritajiet kollha relevanti biex ikunu stabbiliti l-fatti.
Aktar tard, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qal li, l-Pulizija Maltija involviet il-Europol biex tirċievi informazzjoni minn Spanja dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar kumpanija Spanjola tat-tonn li topera minn Malta.