Aktar minn €160,000 f'imħatri fuq il-partita Senglea u Balzan
Imħatri kbar minn pajjiżi barra minn Malta... l-MFA tgħid li m’għandha l-ebda informazzjoni u li mhix qed tinvestiga partita partikolari li qajmet suspett kbir
minn Liam Carter
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li ġimagħtejn ilu tpoġġew imħatri kbar fuq il-logħba tal-kampjonat premier bejn Senglea u Balzan, bl-akbar imħatra tkun irreġistrata fiċ-Ċina. Hu mifhum li l-imħatri jammontaw għal aktar minn €160,000 u ġew irreġistrati f’pajjiżi varji fosthom iċ-Ċina, l-Italja u s-Serbja.
Skont il-probabilità, iċ-ċans li jirbħu l-Isla kien minimu, b’rata ta’ €8.50. Jiġifieri €8.50 għal kull €1 li tilgħab. L-Isla rebħu l-partita bl-iskor ta’ 2-1.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta l-Uffiċjal għall-Integrità tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) Franz Tabone, saħaq li, l-MFA mhix qiegħda tinvestiga din il-partita, għaliex skontu, “m’għandna l-ebda informazzjoni li tindika li din il-logħba kienet imbagħbsa.”
Madankollu sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw li mhix normali li jintlagħbu dawn l-ammonti kbar minn pajjiżi barranin aktar u aktar f’konfront lokali ta’ din in-natura. Huma sostnew li “normalment dan iqajjem suspett kbir ta’ tixħim u ta’ tbagħbis ta’ logħob.”
Ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata Ażjatika u l-futbol Malti
Ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata Ażjatika u individwi Maltin imdaħħlin fix-xena tal-futbol lokali kemm-il darba sabet ruħha f’nofs investigazzjonijiet ta’ tbagħbis ta’ logħob tal-futbol.
Erba’ snin ilu, il-Pulizija Taljana implikat żewġ aħwa Maltin, Robert u Adrian Farrugia f’ċirku kriminali ta’ tixħim u tbagħbis ta’ logħob fl-Italja.
Robert Farrugia huwa l-eks Viċi President tal-klabb tal-Imsida u ħuh Adrian hu l-eks kowċ tat-tim tal-Mosta. Fl-istess operazzjoni, bl-isem ta’ ‘Dirty Soccer’ kien implikat wkoll Felice Bellini, l-eks direttur ġenerali ta’ Vittoriosa Stars.
Dakinhar kien irrapportat li ċ-ċirku inkwistjoni kellu konnessjonijiet kbar fl-Ażja, hekk kif skont telefonati li kienu saħansitra rrekordjaw l-awtoritajiet Taljani, Robert Farrugia kien allega li ċ-Ċiniżi jridu joqtlu lil ħuh Adrian minħabba li l-attentat tagħhom biex ibagħbsu logħba partikolari fl-Italja kien falla.
Hu mifhum li f’din il-partita Robert Farrugia kien tilef €52,000.
Apparti minn dan, skont rapport ieħor li kien ippubblikat fil-gazzetta The Times fl-istess sena, organizzazzjoni kriminali miċ-Ċina u intermedjarji Maltin huma l-imħuħ wara t-tixħim tal-partiti lokali f’Malta. Eks president ta’ wieħed mill-klabbs ewlenin lokali kien żvela kif joperaw dawn l-organizzazzjonijiet Ażjatiċi f’Malta, fosthom kif jiftehmu ma’ intermedjarji Maltin li javviċinaw plejers lokali u kif l-imħatri jiġu rreġistrati f’kumpaniji bbażati f’pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ażja.
Konnessjoni Ażjatika fil-każ tal-U21’s ta’ Malta
Fl-2016, numru ta’ plejers Maltin ta’ taħt il-21 sena kienu tressqu l-Qorti akkużati li ppruvaw jimmanipulaw il-partiti ta’ Malta kontra l-Montenegro u r-Repubblika Ċeka fl-istadju tal-kwalifikazzjonijiet għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena.
Il-plejers imsemmija kollha xehdu fil-Qorti li meta kienu ġew avviċinati biex jinxtraw kien ikun hemm preżenti fil-laqgħat persuna ‘Ażjatika.’
Skont ix-xhieda ta’ Seyble Zammit, li kien tqabbad minn Ronnie Mackay sabiex javviċina l-plejers Maltin, huma darba ltaqgħu l-Belt Valletta fejn kien jaħdem hu stess. Għal din il-laqgħa kienu hu, Ronnie Mackay, persuna Ażjatika li ma kienx jaf min hu, Manuel Briffa u Kyle Cesare.
Fix-xhieda tiegħu Manuel Briffa, wieħed mill-plejers implikati, spjega kif fl-14 ta’ Marzu 2016 Seyble Zammit kien qallu biex jiltaqgħu l-Belt fejn huwa mar minkejja li missieru qalu biex ma jmurx u ma jagħmilx dawn l-affarijiet, hemmhekk iltaqgħu hu ma’ Ronnie Mackay u persuna ta’ nazzjonalità Ażjatika.
L-istess ħareġ fix-xhieda ta’ Samir Arab, plejer ieħor, fejn dan stqarr li hu ltaqa’ ma’ Seyble Zammit il-Belt, fejn hemmhekk kien hemm ukoll Emanuel Briffa, Ronnie Mackay u persuna ta’ nazzjonalità Ażjatika.
L-ewwel rebħa tal-Isla ma’ tim ikklassifikat aħjar minnhom
Tul il-kampjonat ta’ din is-sena, it-tim tal-Isla rebaħ biss ħames logħbiet. B’erba' minn dawn ir-rebħiet jiġu rreġistrati propju fil-bidu ta’ din is-sena.
Ta’ min jinnota li r-rebħa tas-Senglejani kontra Balzan kienet l-ewwel okkażjoni fejn it-tim tal-Kottonera rnexxielu jegħleb tim li jinsab ikklassifikat f’pożizzjoni ogħla minnhom. Dan hekk kif, l-erba’ rebħiet l-oħra tal-Isla ġew irreġistrati kontra t-timijiet ta’ St.Andrews, Qormi, Mosta u Pietà. Timijiet li flimkien mal-Isla jinsabu fl-aħħar ħames pożizzjonijiet tal-klassifika tal-kampjonat Premier.
Min-naħa l-oħra Balzan, li l-istaġun li għadda spiċċaw fit-tieni post tal-kampjonat, s’issa rebħu tmien logħbiet u tilfu ħamsa u b’hekk jinsabu fis-sitt pożizzjoni tal-klassifika.
L-għada tat-telfa kontra l-Isla, il-kowċ Serb ta’ Balzan, Marko Micovic irriżenja u minfloku ġie maħtur Jacques Scerri.