Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkun qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea għall-appoġġ u rimedju filwaqt li se jkun qed jagħmel pressjoni wkoll permezz tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), biex Malta tingħata fondi biex tkun tista’ tittaffa l-ispiża kkawżata mill-maltemp tal-bieraħ.
Fi stqarrija, il-PN appella lill-Gvern biex isir eżerċizzju biex fejn possibli jintużaw ukoll il-European Structural and Investment funds (2014-2020) biex itaffu l-impatt tal-ħsara li saret.
Saħaq li jekk l-applikazzjoni tkun ta' suċċess, il-fond għandu jintuża b'mod trasparenti u jkun hemm distribuzzjoni ġusta lejn dawk li għandhom bżonn l-assistenza mingħajr diskirminazzjoni.
“Il-Partit Nazzjonalista lest li joffri kull sapport lill-Gvern kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll permezz tal-MEPs tiegħu fil-Parlament Ewropew,” tkompli l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Ewroparlamentari tiegħu u anke diversi kelliema, wera solidarjetà ma' dawk kollha li sofrew danni fuq il-propjetà privata tagħhom, mal-bdiewa li kellhom il-prodott u strutturi agrikoli meqruda, man-negozji speċjalment dawk li għandhom strutturi esposti għall-elementi, l-entużjasti tal-Karnival li ukoll sofrew id-danni kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra bħal dawk sportivi li setgħu ġarrbu ħsarat fil-faċilitajiet li jagħmlu użu minnhom.
Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex minnufih jaħtar tim ta' esperti inkluż dawk mis-settur agrikolu u dawk mis-settur tal-infrastruttura sabiex jikkwantifikaw il-ħsara li saret kważa tal-maltemp u jagħmel sejħa pubblika sabiex dawk kollha milquta b'xi mod jew ieħor jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti quddiem l-awtoritajiet.
“Dan sabiex il-Gvern jara kif jagħmel l-aħjar użu mill-fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, liema applikazzjoni trid issir fi żmien 12-il ġimgħa minn meta saret il-ħsara,” kompla l-PN waqt li fakkar li dan il-fond joffri għajnuna lill-pajjiżi membri meta jkunu milquta minn diżastri naturali permezz ta' assistenza finanzjarja sabiex is-sitwazzjoni li tkun żviluppat tirritorna għan-normal mill-aktar fis possibbli.
Fost il-pajjiżi li għamlu użu minn dan il-fond kien hemm il-Latvja, wara li kienet milquta minn għargħar bejn Awwissu u Ottubru tal-2017, li għamel ħsara kbira lill-agrikoltura u l-infrastruttura. Sa xahar wara, l-Latvja kienet sottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex timmobilizza l-fond u kienet inghatat 'il fuq minn €17 miljun.
Il-PN fakkar li Malta diġà bbenefikat minn €1 miljun minn dan il-fond wara li fl-2003 kienu seħħew ħsarat kbar minħabba l-maltemp.
“Il-Partit Nazzjonalista kien ukoll ħadem sabiex pajjiżna ma jkunx eskluż milli jagħmel użu minn dawn il-fondi permezz ta' emendi li kien resaq l-MEP Simon Busuttil fil-Parlament Ewropew fl-2006. Dan għaliex il-limitu għall-ħsara finanzjarja propost originarjament kien wisq għoli sabiex Malta kienet tkun tista' tibbenefika,” kompliet tgħid l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista appella wkoll lill-Gvern sabiex jagħti l-għajnuna kollha disponibbli lill-Kunsilli Lokali.
Il-Partit Nazzjonalista temm u juri s-solidarjetà ma' dawk kollha li b'xi mod setgħu sofrew xi forma ta' ħsarat u rringrazzja lill-ħaddiema kollha f'dipartimenti varji li taw u li għadhom qed jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Metsola f'kuntatt mal-Kummissarju Ewropew Christos Stylianides
Intant, l-Ewroparlamentari Roberta Metsola kellha telekonferenza mal-Kummissarju Ewropew Christos Stylianides, li hu responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili, li matulha infurmatu dwar is-sitwazzjoni f'Malta u anke talbitu biex iwassal dan il-messaġġ quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex Malta tingħata l-għajnuna.