Il-maltemp tal-bieraħ kkawża wkoll ħsarat fil-main tal-ilma li jgħaqqad lil Malta mal-gżira Għawdxija anke jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tavża liċ-ċittadini Għawdxin li l-provvista tal-ilma mhux se tkun affettwata.
Fi stqattija, il-Korporazzjoni qalet li inċident bħal dawn ikomplu juru l-bżonn li l-viżjoni tal-Korporazzjoni, li Għawdex ikun mija fil-mija indipendenti minn Malta, titwettaq.
Fil-fatt, fakkar fil-proġett tar-Reverse Osmosis f’Ħondoq ir-Rummien beda u diġa tħaffru 4 mill-bjar li minnhom se jkun qed jinġibed l-ilma.
“Dan l-investiment, barra li se jpoġġi lil Għawdex fuq il-mappa tad-dinja fejn tidħol teknoloġija nadifa u effiċjenti, se jkun qed jiggarantixxi provvista sigura għal Għawdex u se jagħti l-potenzjal li l-ilma tal-pjan fil-gżira Għawdxija jiġi mmaniġġjat bl-aħjar mod possibbli,” saħqet il-Korporazzjoni.
L-istqarrija temmet tgħid li l-ħsarat se jiġu evelwati fil-ġranet li ġejjin malli jikkalma l-baħar.
Aqra wkoll: