'Se nħabbru dettalji ta' għajnuna għal dawk li ntlaqtu ħażin mill-maltemp' - PM
Il-Prim Ministru Joseph Muscat juri wkoll it-tħassib tiegħu għal ħsara li ma tidhirx u li jista' jkun ġarrbu siti storiċi importanti
minn Yendrick Cioffi
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar dettalji ta’ għajnuna li se jkun qiegħed joffri lil dawk li ġarrbu ħsarat minħabba l-maltemp tal-bieraħ, inkluż lill-bdiewa, lis-sajjieda u anke lil diversi faċilitajiet sportivi, fost oħrajn.
Waqt Stqarrija Ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed jagħmel dak kollu li jista’ biex jilħaq lil dawk kollha li lbieraħ intlaqtu ħażin mill-maltempata.
Huwa semma kif ilbieraħ, il-Protezzjoni Ċivili kellha 486 talba għall-għajnuna, fejn fost oħrajn ġew evakwati 14-il persuna minn Tas-Sliema u anke 12-il persuna minn partijiet diversi fil-Birgu.
Ikkonferma informazzjoni mogħtija lilu mill-Uffiċċju Meteoloġiku, li l-maltempata tal-bieraħ kienet l-agħar waħda minn dik tal-11 ta’ Ottubru tal-1982, bir-riħ laħħaq anke il-133 kilometru fis-siegħa.
Fil-fatt, kompla jispjega li mill-bieraħ ‘l hawn, mit-toroq inġabru 155 tunnellata ta’ skart u terrappien.
'Il-wirt kulturali fost l-aktar li qed jinkwetani'
Wera t-tħassib tiegħu għall-ħsarat li ġarrbu siti storiċi importanti, fosthom fil-Head Office ta' Bighi, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, is-sit Tas-Silġ, l-Armerija tal-Palazz, il-Mużew Marittimu, il-Katakombi ta’ San Pawl u d-Domus Romana kif ukoll xi siti f’Għawdex.
Saħaq li l-wirt kulturali qiegħed iħassbu ħafna għax, fi kliemu, jista' jkun hemm ħsara li ma tidhirx u li tista’ taffettwa l-futur ta' dawn is-siti importanti.
Fil-fatt, qal li għada, il-laqgħa tal-Kabinett, se tkun qiegħda tiddiskuti dak kollu li hemm bżonn biex dan il-wirt kulturali jkun protett.
2,000 talba għall-għajnuna lill-Enemalta
Il-Prim Ministru qal ukoll li fl-Enemalta kien hemm timijiet ta’ ħaddiema jaraw li fejn ikun hemm ħsarat u jirranġaw kemm jista’ jkun malajr.
Bejn is-Sibt filgħaxija u s-sagħtejn tal-lum wara nofs in-nhar iċ-ċentru ta’ assistenza tal-Enemalta wieġeb ’il fuq minn 2,000 talba għall-għajnuna.
"Minnhom ġew identifikati 978 każ ta’ ħsara li ħafna minnhom tranġaw u oħrajn għaddejja ħidma fuqhom," kompla l-Prim Ministru.
Ħsarat ukoll fi skejjel...
Ikkonferma wkoll li għall-kuntarju ta’ dak li qalu rapporti, it-tanker tal-LNG ma kellux għalfejn jinħareġ ‘il barra.
Semma wkoll il-ħsara fuq il-main għall-provvista tal-ilma bejn Malta u Għawdex u kkonferma li t-tiswija se tkun qed tibda fil-jiem li ġejjin meta jikkalma l-baħar, anke jekk il-provvista, kif imħabbar aktar kmieni, mhux mistennija tinqata’.
Apparti minn hekk, Muscat qal li ġew irrappurtati ħsarat minimi f’xi skejjel li qed jiġu rranġati malajr iżda assigura li ma kien hemm l-ebda periklu jew ħsarat kbar fuq l-infrastruttura tal-iskejjel.
'Bdejna eżerċizzju biex napplikaw għal fondi Ewropej'
Qal li l-Gvern beda wkoll eżerċizzju biex tkun stmata l-ħsara madwar il-pajjiż kollu u insista li kif ssir il-valutazzjoni se jkun qed jistudja liema fondi jistgħu jintużaw.
Spjega kif il-Gvern beda jeżamina mal-ewwel il-possibiltà ta’ użu ta’ Fondi Ewropej relatati ma’ diżastri naturali taħt il-European Solidarity Fund. Saħaq li f’każijiet simili ta’ diżastri naturali, Stat Membru ikun jista’ japplika biex jiġi eżentat mir-regoli ta’ State Aid għal kumpens li jista’ jingħata lill-bdiewa, biex hekk anke dawn jingħataw l-għajnuna.
Saħaq li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitħabbar ukoll freephone għal dawk kollha li jixtiequ jistaqsu għal informazzjoni fuq għajnuna li joffri l-Gvern.
Temm jisħaq li l-maltempata tal-bieraħ hija prova li l-pajjiż hemm bżonn iżomm infrastruttura b’saħħitha, fejn anke l-wajers tad-dawl ikunu għaddejin minn taħt l-art biex tkun evitata ħsara, filwaqt li anke jinbidlu arbli tad-dawl li ilhom snin bla manutenzjoni.
L-Oppożizzjoni u l-Gvern ingħaqdu flimkien jirringrazjaw lil dawk kollha li lbieraħ kienu fit-toroq Maltin u Għawdxin jassiguraw li l-pajjiż jibqa’ għaddej, fosthom il-Forzi Armati, lill-Pulizija, lill-Protezzjoni Ċivili, lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif u anke l-Ħaddiema tal-ajruport u l-bdoti tal-linji tal-ajru.
Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-isptar li kienu ppreparati anke jekk ma jidhirx li kien hemm każi ta’ persuni li weġġgħu kawża diretta tal-maltemp.
'Il-Karnival huwa wkoll wirt kulturali' - Adrian Delia
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħeġġeġ lill-Gvern biex iwettaq studji malajr kemm jista’ jkun biex ikun jista’ japplika għall-fondi Ewropej, fosthom mill-fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, liema applikazzjoni trid issir fi żmien 12-il ġimgħa minn meta tkun saret il-ħsara.
Fakkar li l-Karnival huwa wkoll parti mill-wirt kulturali tal-pajjiż u għalhekk ħeġġeġ lill-Gvern biex jgħin lil dawk id-dilettanti li lbieraħ ġarrbu ħsarat kbar fil-karrijiet tagħhom.
Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jinsab f'kuntatt mal-Kummissjoni Ewropea għall-appoġġ u rimedju filwaqt li se jkun qed jagħmel pressjoni wkoll permezz tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), biex Malta tingħata l-għajnuna.