Intervista | ‘Qed inbassru li jista’ jkun hawn domanda minn Sqallija għall-kremazzjoni’
Il-kremazzjoni. Kif se ssir f’Malta? L-irmied se jkun qed jindifen? Persuna tista’ żżomm l-irmied tal-qraba tagħha d-dar? Kemm tiswa kremazzjoni? L-ILLUM tistaqsi lil Rosianne Cutarar, il-moħħ wara l-liġi l-ġdida li qed tkun proposta
minn Yendrick Cioffi
Nhar il-Ħamis li għadda, il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-att li se jkun qed jillegalizza u jirregola s-servizzi tal-kremazzjoni f’Malta, suġġett li xi wħud ilhom jistennew li jkun diskuss u li jista’ jkun kontroversjali għal oħrajn. Dwar dan, din il-gazzetta ltaqgħet u tkellmet mal-moħħ wara l-introduzzjoni tal-kremazzjoni f’Malta, id-Deputata Rosianne Cutajar.
Staqsejniha x’kien li wassalha biex l-ewwel Private Members Bill tagħha tkun propju fuq il-kremazzjoni, b’Cutajar dlonk twieġeb li l-ambjent kien l-aktar fattur li ħeġġiġha biex taħdem favur din il-liġi.
“Ma jistax ikun li f’art daqshekk żgħira nibqgħu nkabbru u nżidu l-oqbra,” saħqet Cutajar waqt li fakkret li l-lista ta’ dawk il-persuni li jixtiequ jixtru qabar kulma jmur qiegħda dejjem tiżdied.
“Biex tixtri qabar għandek madwar €8,000. Qed tkun klassist għax l-art hija dik li hi u għalhekk il-prezz se jkun dejjem wieħed għoli. Hemm ukoll element ta’ ġustizzja soċjali. Għal funeral normali għandek dejjem madwar €3,000 u allura l-kremazzjoni se tkun ħafna aktar aċċessibbli, fis-sens li se tkun irħas minn difna normali,” kompliet tispjega Cutajar.
Kremazzjoni kemm tkun tiswa?
Fl-aħħar xhur, kien hawn diversi proposti fosthom mill-Malta Humanist Association li appellaw biex il-kremazzjoni tkun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd. Staqsejna lil Rosianne Cutajar dwar kemm tkun tiswa kremazzjoni.
Id-Deputata spjegat li waħda mill-mistoqsijiet li l-pubbliku qed ikun mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu dwarha hija dwar l-irwol li għandu jkollu l-Gvern fl-industrija tal-kremazzjoni, fosthom jekk il-Gvern għandux jikkunsidra l-għażla ta’ sħubija bejn is-settur pubbliku u s-settur privat biex is-servizzi tal-kremazzjoni jkunu offruti b’mod konġunt.
Cutajar qalet li l-aktar ħaġa li qed tħasseb lin-nies dwar servizz ta’ kremazzjoni offrut esklussivament mill-privat huwa l-prezz li jistabbilixih hu.
“Inserħulhom rashom li se jkun hemm avviżi legali li sa ċertu punt jirregolaw il-prezz,” sostniet Cutajar iżda qalet ukoll li huwa fl-interess tas-settur privat li l-prezzijiet ma jkunux għolja. “Jekk għandi krematorju x’jaqbilli? Ngħolli l-prezzijiet u jkolli inqas nies għall-kremazzjoni jew nagħmel prezz kompetittiv mad-dfin normali ħalli aktar nies jagħżlu li jiġu kkremati?”
Il-Gvern qed jikkunsidra li jissussidja l-kremazzjoni?
Mistoqsija jekk il-Gvern hux qiegħed jikkunsidra li jissussidja l-kremazzjoni, Rosianne Cutajar qalet li l-kabinett kien iddiskuta l-proposta li meta jkollu każijiet ta’ persuni li ma jaffordjawx funeral, il-Gvern jagħżel il-kremazzjoni.
“Nixtieq li n-nies jagħtuna wkoll l-opinjoni tagħhom fuq din il-ħaġa,” kompliet id-Deputata. “Jien personalment naqbel għax jekk qed ngħidu li din tkun aċċessibbli għal kulħadd, anke l-Gvern se jkun jaqbillu li jmur għall-kremazzjoni.”
Għandu jkun hawn reġistru ta’ nies li jixtiequ jiġu kkremati?
Il-konsultazzjoni qed tistaqsi wkoll jekk għandux ikun reġistru, simili għal dak tad-donazzjoni tal-organi, li jkun jinkludi lil dawk in-nies li jkunu jixtiequ jiġu kkremati wara mewthom.
Cutajar semmiet kif barra minn Malta hemm pajjiżi fejn kull krematorju jkollu reġistru ta’ dawk in-nies li jkunu jixtiequ jiġu kkremati u dawn iħallsu tariffa minn qabel biex il-proġett ikun aktar sostenibbli.
Iżda mhux hekk biss. Hemm ukoll krematorji li joffru formoli jew applikazzjonijiet fejn il-persuna tkun tista’ tagħżel minn qabel x’tip ta’ ċelebrazzjoni trid wara mewtha, x’mużika tixtieq li tindaqq, lil min tixtieq li jitkellem u aktar.
Kull krematorju jkollu sala li fiha tkun tista’ ssir ċelebrazzjoni
Fil-fatt, kull krematorju mhux se jinkludi biss il-post fejn issir il-kremazzjoni iżda jkun hemm ukoll sala fejn tkun tista’ ssir ċelebrazzjoni, kemm jekk persuna tagħżel li ċ-ċerimonja ssir kollha kemm hi fiha u anke jekk isir xi talb jew ċelebrazzjoni oħra wara l-funeral tradizzjonali fil-knisja.
“Għalhekk persuna jista’ jkollha l-għażla li tagħżel hi x’tip ta’ tislima tixtieq li tingħata,” saħqet Cutajar.
‘Nistgħu ndaħħlu wkoll il-kunċett ta’ kiri ta’ tebut’
Kif għidna, jista’ jkun hawn persuni li qabel il-kremazzjoni jew ċelebrazzjoni fis-sala tal-krematorju, xorta waħda jkunu jixtiequ funeral tradizzjonali fil-parroċċa fil-qalba tal-belt jew raħal fejn ikunu trabbew.
“Ovvjament il-prezz tal-kremazzjoni se jkun mod u l-prezz tal-funeral tradizzjonali se jkun mod ieħor,” kompliet tispjega Cutajar u kien hawn li semmiet il-possibbilità li jiddaħħal il-kunċett tal-kiri tat-twiebet. “Għal min irid funeral tradizzjonali qabel il-kremazzjoni, ma jagħmilx sens li jixtri tebut, li ngħiduha kif inhi jiswa l-flus.”
Kien hawn li Cutajar insistiet li dan is-servizz se jkun qiegħed joffri għażliet diversi u huwa f’idejn l-individwu jew il-familjari tiegħu biex jagħżlu xi jridu.
“Ħalli xorta waħda ssir il-quddiesa u wara ssir din iċ-ċelebrazzjoni fil-krematorju. Hemm oħrajn li se jagħżlu li l-ewwel issir il-kremazzjoni u wara ssir din iċ-ċelebrazzjonijiet fil-preżenza tal-urna bl-irmied. L-għażliet huma ħafna,” saħqet Cutajar. “Diġà hija realtà ta’ ħafna Maltin li qed jagħżlu li l-funeral tagħhom ikun ċelebrazzjoni ta’ ħajja fejn ikun iċċelebrat is-sabiħ tal-persuna.”
‘Inbassru li jkun hawn domanda wkoll minn Sqallija’
Sa issa, il-liġi Maltija tippermetti biss dfin f’ċimiterji magħżula jew, f’każijiet rari, anke fil-baħar. Madanakollu, Cutajar qalet li riċerka riċenti turi li sa terz tal-popolazzjoni, tikkunsidra alternattivi għal dan id-dfin.
“Dan diġà huwa riżultat pożittiv,” kompliet Cutajar waqt li saħqet li tinsab ċerta li malli dan is-servizz ikun introdott ukoll f’Malta, l-għadd ta’ persuni li jkunu lesti jagħżlu l-kremazzjoni se jiżdied.
Kien hawn li semmiet statistiċi minn pajjiżi oħrajn li kollha juru li wara l-introduzzjoni ta’ dan is-servizz, aktar nies jagħżlu l-kremazzjoni. Fost dawn semmiet New Zealand fejn qabel l-introduzzjoni 5% biss kienu jaqblu mal-kremazzjoni u llum 70% qed jagħżlu li jiġu kkremati wara mewthom. L-istess l-Awstralja. 65% ta’ kull min imut qed jiġi kkremat.
Fi kliem, Cutajar dan diġà jagħmel il-kremazzjoni vijabbli, iżda apparti minn hekk saħqet li s-settur privat qiegħed ibassar li jista’ jkun hawn domanda minn Sqallija.
Spjegat kif fi Sqallija hemm żewġ krematorji, wieħed f’Messina u l-ieħor f’Palermo, b’wieħed minnhom jaħdem rarament. “Qed jantiċipaw li jista’ jkollna domanda minn Sqallija jekk il-kremazzjoni ssir f’Malta,” saħqet Cutajar.
U min irid l-irmied id-dar, se jkun jista’ jagħmel dan?
Tkellimna wkoll dwar il-ħażna u d-dispożizzjoni tal-irmied u staqsejna lil Cutajar jekk qraba hux se jkunu jistgħu jagħżlu li jżommu l-irmied ta’ xi qarib tagħhom id-dar.
Bdejna billi ddiskutejna dak li huwa permessibbli mill-Knisja. Il-Knisja hija favur il-kremazzjoni sakemm l-irmied jinżamm f’post sagru, jiġifieri f’ċimiterju, knisja jew kappella.
“Se jkun hemm min se jagħżel li l-irmied jindifen iżda se jkun hemm oħrajn li se jagħżlu li jżommu l-irmied id-dar għax pereżempju fil-Milied iridu joħroġ l-urna biex iħossu l-qarib jew il-qariba viċin tagħhom. Oħrajn se jagħżlu li jżommu l-irmied tal-persuna għażiża għalihom f’ġiżirana,” saħqet Cutajar.
Fil-fatt, kompliet tispjega d-Deputata, il-leġiżlazzjoni se tkun qed tindika l-mezzi permessibbli għad-diżpozizzjoni jew il-ħażna.
“Din vera ġrat. Kien hemm min xtaq li wara li jmut jiġi kkremat u l-irmied tiegħu jinxtered fuq il-marċ tal-festa,” irrakkuntat Cutajar. “Ovvjament affarijiet hekk mhux se jkunu permessi. Kemm jista’ jkun se nippruvaw naqtgħu x-xewqat ta’ kulħadd sakemm din ma tkunx ta’ detriment għas-sanità ta’ ħaddieħor.”
Tree cremation: se tkun permessibbli f’Malta?
Kien hawnhekk li Cutajar semmiet ukoll il-kunċett ta’ Tree Cremation, li huwa popolari ħafna barra minn Malta. Bażikament, l-irmied jitħallat mal-ħamrija u tinżera’ siġra.
“Barra minn Malta jeżistu ġonna sħaħ fejn persuna tista’ tmur u flok tara oqbra qed tara siġar,” kompliet Cutajar.
Mistoqsija jekk dan hux se jkun permess f’Malta, Cutajar wieġbet fil-pożittiv. Qalet li fiċ-ċimiterju tal-Addolorata hemm ħafna siġar u għalhekk wieħed jista’ faċilment isib żona fejn minflok oqbra jkun hemm siġar.
Persuni jistgħu jiġu kkremati flimkien?
Bħalma jkun hemm min jixtieq jindifen flimkien, staqsejna lil Cutajar jekk hux se jkun possibbli li żewġ persuni jiġu kkremati flimkien.
Cutajar spjegat li l-Gvern qiegħed jipproponi li dan ikun possibbli biss f’żewġ każijiet eċċezzjonali, jiġifieri meta omm titlef ħajjitha waqt li qed twelled tarbija mejta jew li tmut ftit wara u anke f’każijiet fejn żewġ trabi jmutu flimkien.
Apparti minn hekk, għal dawk li diġà difnu lil xi qarib tagħhom u jixtiequ li jiġi kkremat, il-liġi qed tipproponi li wara żmien definit (sena-sentejn) ġisem ikun jista’ jinqala’ minn qabar u jiġi kkremat.
Il-liġi se tistabbilixxi wkoll x’tip ta’ kremazzjoni se tkun qed issir?
Tkellimna wkoll dwar tipi differenti ta’ kremazzjoni u jekk il-liġi hux qed tistabbilixxi x’tip ta’ kremazzjoni se tkun permesss bl-għan li l-impatt fuq l-ambjent ikun wieħed minimu.
“Il-kremazzjoni evolviet ħafna maż-żmien,” spjegat Cutajar. Għall-bidu l-kremazzjoni kienet sempliċiment tesponi l-ġisem għall-fjammi. Maż-żmien evolviet ukoll sistema li tesponi l-ġisem għal ammont ta’ sħana li letteralment twassal għall-kremazzjoni tiegħu.
Dwar il-ħażna jew id-dispożizzjoni tal-irmied se jkun hemm linji gwida. Kien hemm min xtaq li wara li jmut jiġi kkremat u l-irmied tiegħu jinxtered fuq il-marċ tal-festa. Ovvjament affarijiet hekk mhux se jkunu permessi
Iżda fl-aħħar snin, evolviet ukoll is-sistema magħrufa bħala bio-kremazzjoni (water cremation jew alkiline hydrolysis), fejn, fi kliem sempliċi, is-sistema tuża l-ilma u l-idrossidu tal-potassju, liema proċess iħalli biss l-għadam tal-persuna.
Dan il-metodu mhuwiex biss l-aktar wieħed li jibża’ għall-ambjent, iżda għandu wkoll benefiċċji oħra. “Peress li jħalli l-għadam biss, ma jkunx hemm għalfejn isiru interventi qabel biex jitneħħew xi impjanti mill-ġisem, bħal pacemaker. Dan il-proċess iħalli biss l-għadam u dawn il-materjali li jitneħħew faċilment. Wara, l-għadam ikun jista’ jsir irmied,” spjegat Cutajar.
Anke jekk dan huwa l-aktar metodu sostennibbli għall-ambjent, Cutajar qalet li l-liġi mhux se tkun qed tistabbilixxi x’tip ta’ kremazzjoni għandhom jagħżlu l-operaturi, anke jekk insistiet li l-Gvern qiegħed jimbotta ’l quddiem il-bio-kremazzjoni.
“Fil-liġi se nistipulaw li jintużaw prattiċi bl-inqas impatt ambjentali. Tant kemm illum ma jintużawx kimiċi, li barra minn Malta hemm krematorji biwsit id-djar,” kompliet tgħid id-Deputat.
Il-kremazzjoni f’Malta se jkollha xi ħaġa differenti minn dik ta’ pajjiżi oħra?
Rosianne Cutajar qalet li l-Gvern qiegħed jipproponi wkoll li qabel kull kremazzjoni, jittieħed kampjun tad-DNA tal-persuna mejta u dan jinżamm għal perjodu ta’ żmien definit.
“Jekk niddeċiedu li nagħmluha, din se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fost il-pajjiżi tal-Ewropa,” saħqet id-Deputata.
Spjegat kif meta persuna tindifen b’mod normali, anke wara ħafna żmien, kampjun tad-DNA ikun jista’ jittieħed xorta waħda mill-għadam jew inkella mix-xahar. Bil-kremazzjoni, dan ma jkunx possibbli, lanqas mill-irmied.
“Aħna qed nipproponu li qabel ma persuna tiġi kkremata, jittieħed kampjun tad-DNA u jinżamm apposta għall-perjodu definit,” qalet Cutajar. “Ma hemmx għalfejn iżżomm demm. Tista’ żżomm xahar jew inkella sinna.”
Mistoqsija għalfejn taħseb li għandu jinżamm kampjun tad-DNA, Cutajar semmiet diversi raġunijiet, fosthom pereżempju kwistjonijiet ta’ paternità.
Iżda għandna fejn nibnu dawn il-krematorji?
Anke jekk ma kienx hawn qafas legali, is-Cemeteries Policy and Design Guidance, approvata fl-2015, digà kienet tipprovdi dispożizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-kremazzjoni u tistipola li l-krematorji għandhom jinbnew biss f’ċimiterji eżistenti li jintużaw jew f’ċimiterji eżistenzi li ma jintużawx.
Iżda fil-verità, kemm hemm spazji f’dawn iċ-ċimiterji? “Naħseb li l-aktar propizju huwa li l-krematorju jsir fl-Addolorata,” saħqet Cutajar waqt li assigurat li hemm biżżejjed spazju fejn dan isir.
U ġaladarba ċ-ċimiterji l-oħra huma limitati, kemm taħseb li jista’ jkun hawn krematrorji? Rosianne Cutajar spjegat kif dan jiddependi mill-aspett ta’ liċenzjar, fejn spjegat li hawn pereżempju liċenzji li jinħarġu għal kull 400,000 ruħ.
Mistoqsija jekk taħsibx li krematorju wieħed jista’ jwassal għal monopolju, Cutajar tenniet li mhux se jkun fl-interess tal-operatur li jgħolli l-prezzijiet.
‘Nemmen li l-aħjar għażla tkun sħubija bejn il-Gvern u l-privat’
Kien hawn li d-Deputata insistiet li l-aħjar għażla tkun sħubija bejn il-Gvern u l-Privat.
“Hekk il-Gvern ikun jista’ jidħol anke f’każ li l-operatur jiddeċiedi li jagħlaq il-krematorju. Il-Gvern ikun jista’ jieħu f’idejh l-operat sakemm jinstab operatur ġdid,” saħqet Cutajar.
X’inhuma l-mistoqsijiet għall-konsultazzjoni?
Il-konsultazzjoni dwar din il-liġi tagħlaq fid-29 ta’ Marzu li ġej, bil-Gvern qed jippjana li l-liġi titressaq f’April u tgħaddi sa qabel l-Għid.
Il-mistoqsijiet għall-konsultazzjoni huma:
X’għandu jkun, kemm-il darba hemm lok tiegħu, l-irwol tal-Gvern fl-industrija tal-kremazzjoni?
- Taqbel mal-ħolqien ta’ Reġistru fejn tiġi rreġistrata x-xewqa ta’ persuna li tiġi kkremata wara mewtha? Jekk iva, dan ir-Reġistru għandu jkun reġistru nazzjonali, simili għar-Reġistru tad-Donazzjoni ta’ Organi, jew kull krematorju għandu jkollu r-reġistru tiegħu?
- Għandu krematorju jkollu l-mezzi meħtieġa biex jaħżen u jippreserva d-DNA ta’ persuni kkremati għal perjodu ta’ żmien definit?
- Hemm xi punti oħrajn li jolqtuk li mhumiex inklużi u li tħoss li huma importanti għall-finijiet tal-liġi?