Il-kremazzjoni waħedha tista’ tiġi tiswa sa aktar minn €750

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Johann Camilleri li l-kumpanija tal-familja tiegħu qed tipproponi li tibni krematorju f’Malta. Fejn qed tipproponi li tibni dan il-krematorju? X’se jkun jinkludi? Imma hawn biżżejjed domanda?

Servizz ta’ kremazzjoni f’Malta jista’ jiġi jiswa madwar €750 u dan jekk wieħed jeskludi t-taxxi u servizzi oħra anċillari u l-ispejjeż marbuta mal-funeral.

Dan qalu mal-gazzetta ILLUM, Johann Camilleri minn Camilleri Funeral Directors International, liema kumpanija, lura fl-2017, kienet diġà ssottomettiet applikazzjoni għall-bini ta’ krematorju fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Fil-fatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġiet imnedija l-konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-kremazzjoni f’Malta, ġie żvelat kif wara l-pubblikazzjoni tas-Cemeteries Policy and Design Guidance tal-2015, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irċeviet erba’ applikazzjonijiet għall-bini ta’ krematorju f’Malta, liema applikazzjonijiet ma setgħux jiġu aċċettati minħabba l-fatt li Malta ma kienx għad għandha liġi li tirregola l-kremazzjoni.

Waħda mid-domandi l-aktar li qed jistaqsu n-nies hija dwar il-prezz tal-kremazzjoni, b’Johann Camilleri jgħid mal-ILLUM li anke jekk għadu kmieni wisq biex wieħed jikkalkula l-prezz, il-mira tal-kumpanija tiegħu hija li s-servizz tal-kremazzjoni f’Malta jkun simili għal dak ta’ pajjiżi oħra u għalhekk il-prezz ikun bejn €550 u €750.

Iżda l-prezz jiddependi wkoll mid-deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu, fosthom jekk il-Gvern għandux ikun involut fil-kremazzjoni jew jekk għandux jidħol bi sħab mal-privat biex ikun offrut dan is-servizz f’Malta u anke jekk hux se jkun qed joffri sussidji għal dan l-għan.

Fil-fatt, il-konsultazzjoni pubblika li tagħlaq fid-29 ta’ dan ix-xahar, qed tistaqsi lill-pubbliku jekk il-Gvern għandux iħalli l-kremazzjoni f’idejn il-privat, jekk għandux jieħu dan is-servizz f’idejh jew inkella għandux jidħol fi sħab mal-privat.

‘Il-prezz jista’ jitbaxxa jekk tiżdied id-domanda’

Dwar dan, din il-gazzetta kienet staqsiet ukoll lid-Deputata Rosianne Cutajar, li qed taħdem fuq din il-liġi u li spjegat kif anke jekk prattikament il-prezz ta’ difna normali huwa baxx, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li biex jixtri qabar irid madwar €8,000, il-kremazzjoni se tkun ħafna aktar aċċessibbli, waqt li qalet ukoll li l-liġi tista’ tkun ikkumplimentata b’avviżi legali li jirregolaw ukoll il-prezz.

Johann Camilleri kompla jispjega mal-ILLUM li maż-żmien, meta d-domanda għall-kremazzjoni tiżdied, il-prezz ikun jista’ jitbaxxa aktar għax il-krematorju jkun jista’ jiġi użat b’mod aktar effiċjenti.

Iċ-Ċimiterju tal-Addolorata
Iċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Fejn qed jipproponu li jibnu l-krematorju?

Is-Cemeteries Policy and Design Guidance tal-2015, tistabbilixxi li l-krematorji għandhom jinbnew biss f’ċimiterji eżistenti, kemm jekk dawn għadhom jintużaw u anke jekk le.

Mistoqsi dwar dan, Johann Camilleri jaqbel li krematorju għandu jinbena viċin iċ-ċimiterju tal-Addolorata, kemm għax dan joffri ħafna aktar spazju u anke biex, fi kliemu, ma jinħoloqx inkonvenjent għar-residenti.

Camilleri kompla jispjega kif wara l-kremazzjoni, ħafna xorta waħda jagħżlu li jidfnu l-urna bl-irmied fil-qabar tal-familja u għalhekk, krematorju viċin l-Addolorata jagħmilha aktar faċli għal dawn il-qraba.

Fil-fatt, fl-applikazzjoni tagħhom, Camilleri Funeral Directors International qed jipproponu li jibnu krematorju ta’ 450 metru kwadru fuq biċċa art ta’ 8,000 metru kwadru li tinsab eżatt biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Minn ġonna fejn jinfirex l-irmied għal niċeċ fejn jinżammu l-urni

Mistoqsi x’se jsir mill-bqija tal-art, Johann Camilleri spjega kif huma qed jipproponu li l-art tiġi maqsuma f’diversi żoni li fost oħrajn ikunu jinkludu ġonna li fihom tkun tista’ ssir dik magħrufa bħala ‘tree cremation,’ fejn urni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (biodegradable) jindifnu direttament fil-ħamrija u fuqhom tiġi miżrugħa siġra.

Apparti minn hekk, kompla jispjega Camilleri, żoni oħra jkunu jistgħu jinkludu postijiet apposta fejn urni bl-irmied jinżammu ġo niċeċ jew kolonni inkella ġonna fejn l-irmied ikun jista’ jinfirex b’mod dinjituż.

“Dan għandu jkun post fejn il-qraba jkunu jistgħu jippassiġġaw u jieħdu pjaċir f’ambjent sabiħ u trankwill waqt li jiftakru fil-maħbubin tagħhom,” qal Camilleri.

Jipproponu wkoll kmamar privati fejn il-qraba jassistu…

Staqsejna wkoll lil Camilleri jekk hux qed jaħsbu għal sala fejn ikunu jistgħu jsiru ċelebrazzjonijiet qabel jew wara l-kremazzjoni. Huwa spjega kif ġewwa l-binja nnifisha, ippjanaw li ssir sala kbira fejn ikunu jistgħu jsiru ċelebrazzjonijiet.

Apparti minn hekk, kompla jispjega Camilleri, qed jipproponi wkoll kmamar privati fejn il-familjari jkunu jistgħu jqattgħu l-aħħar ftit tal-ħin fis-skiet mal-qarib/qariba tagħhom qabel mal-persuna mejta tittieħed għall-kremazzjoni.

“Minn dawn il-kmamar jista’ jkun hemm ukoll il-possibbilità li l-familjari jaraw il-katavru tal-qarib jew qariba tagħhom dieħel fil-krematorju,” spjega Camilleri.

U x’tip ta’ kremazzjoni qed jipproponu?

Fl-intervista ma’ din il-gazzetta, id-Deputata Rosianne Cutajar saħqet ukoll li l-Gvern se jkun qiegħed jassigura li t-tip ta’ kremazzjoni li ssir f’Malta tkun waħda li tħalli l-inqas impatt ambjentali possibbli.

Staqsejna lil Johann Camilleri liema tip ta’ kremazzjoni qed jipproponu li jintroduċu f’Malta, hekk kif għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, illum il-ġurnata, il-kremazzjoni ma għadhiex tesponi l-katavru għall-fjammi

Camilleri spjega kif il-kumpanija tiegħu qed tħares lejn krematorju li jaħdem bil-gass jew inkella bl-elettriku fejn il-maġġoranza tal-enerġija meħtieġa tkun tista’ tittieħed direttament mill-pannelli solari.

Iżda, apparti minn hekk, qed jikkunsidraw ukoll is-sistema tal-alkaline hydrolysis, magħrufa wkoll bħala biokremazzjoni jew kremazzjoni tal-ilma. Kif spjegat din il-gazzetta fl-aħħar ġimgħat, il-biokremazzjoni hija sistema li tuża l-ilma u l-idrossidu tal-potassju, li meta msaħħna jħallu biss l-għadam tal-persuna.

Dan ifisser li ma jkunx hemm għalfejn isiru interventi qabel biex jitneħħew xi impjanti mill-ġisem, bħal pacemaker. Wara li dawn l-impjanti jitneħħew, l-għadam ikun jista’ jsir irmied.

“It-teknoloġija tal-kremazzjoni qed tinbidel kontinwament u jista’ jkun li sakemm tgħaddi l-liġi u jinħarġu l-permessi, ikun hemm sistemi li huma aktar effiċjenti,” saħaq Camilleri.

Il-Maltin iriduha l-kremazzjoni?

Iżda, wara kollox, f’Malta, hawn domanda għall-kremazzjoni? Johann Camilleri qal li l-kumpanija tal-familja tiegħu ilha madwar 40 sena tgħin lil dawk li jkunu jixtiequ l-kremazzjoni biex jibagħtu l-katavru tal-qarib jew qariba tagħhom barra minn  Malta.

Camilleri qal kif fl-aħħar 15-il sena d-domanda żdiedet ħafna. Spjega kif bejn l-2005 u l-2006 organizzaw madwar 30 kremazzjoni fis-sena, bil-maġġoranza assoluta tagħhom ikunu barranin.

Madanakollu, kompla jispjega Camilleri, anke jekk il-kremazzjoni tibqa’ aktar popolari fost il-barranin, fl-aħħar ħames snin innutaw li żdiedet ukoll id-domanda mill-Maltin li qed jippreferu l-kremazzjoni minflok id-difna tradizzjonali.

“Kieku wieħed kellu jieħu medja ta’ dawn l-aħħar ħames snin, irranġajna l-kremazzjoni għal 10 Maltin u 40 barrani fis-sena,” qal Camilleri. “Fl-2017 ħadna ħsieb 70 kremazzjoni. Minnhom, 65 kienu barranin.”

Mistoqsi fejn jibagħtu l-katavri għall-kremazzjoni, Johann Camilleri qal li l-biċċa l-kbira tal-Maltin jagħżlu Messina għax viċin u s-servizz jingħata fi żmien qasir.

Madanakollu saħaq li jkun hemm ħafna li jagħżlu Londra. Apparti minn hekk ġieli bagħtu persuni Franza, l-Olanda, il-Belġju u anke l-Ġermanja, normalment għax il-persuna tkun imwielda hemm u għalhekk ikun għad għandhom il-qraba tagħhom jgħixu f’pajjiżhom.

L-apparat li jintuża għall-biokremazzjoni
L-apparat li jintuża għall-biokremazzjoni

Kemm jiswa biex tibgħat katavru barra minn Malta għall-kremazzjoni?

Staqsejna kemm hi l-ispiża biex persuna tibgħat il-katavru tal-qarib tagħha għall-kremazzjoni barra mill-pajjiż, b’Camilleri jispjega li għal Londra u Messina l-prezz dejjem jaqbeż il-€5,000.

Dan il-prezz jinkludi l-preparazzjoni tal-katavru, tebut magħmul apposta li jkollu qoxra taż-żingu li tkun issiġillata, qoxra protettiva oħra skont ir-regolamenti tas-sanità u tat-trasport tal-ajru, is-servizz ta’ trasport lejn l-ajruport, diversi permessi u ċertifikati, screening tas-sigurtà fl-ajruport, trasport bl-ajruplan, l-ispejjeż biex jinġabar it-tebut biex jittieħed il-krematorju jew fil-post fejn se jinżamm sad-data tal-kremazzjoni, id-drittijiet tas-servizzi, id-drittijiet tal-krematorju u anke urna fejn jinżamm l-irmied tal-katavru.

Tal-funerali kif qed iħarsu lejn il-kremazzjoni?

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ għadd ta’ kummissjonanti tal-funerali dwar kif jaħsbu li se taffettwahom il-kremazzjoni.

Għalkemm kollha kemm huma qalu bil-kremazzjoni se jibqgħu fl-istess ilma, talbuna biex ma nsemmux isimhom.

Il-kummissjonanti spjegaw kif il-kremazzjoni mhux se twaqqaf il-funerali u għalhekk, ġaladarba ħafna xorta se jkunu jridu funeral fil-knisja qabel il-kremazzjoni, ix-xogħol tagħhom mhux se jkun mittiefes.

“Li forsi nintlaqtu ftit huwa mill-bejgħ tat-twiebet,” qalulna wħud mill-kummissjonanti. “Ġaladarba t-tebut mhux se jintuża għad-difna, ma jagħmilx sens li wieħed jonfoq ħafna flus fuq tebut.”

Madanakollu, kummissjonanti oħra qalulna li lanqas dan mhux se jaffettwahom daqshekk. “Anke bħalissa ssib min jonfoqlok €2,000 fuq tebut u jkun hemm oħrajn li jgħidulek li lanqas ħaqq jonfqu ħafna fuq tebut għal taħt l-art,” qalilna kummissjonant ieħor.

Tal-funerali jisħqu li huma se jibqgħu fl-istess ilma
Tal-funerali jisħqu li huma se jibqgħu fl-istess ilma

Fil-fatt, ġaladarba t-tebut ma jintużax għall-kremazzjoni, jista’ jkun li jidħol il-kunċett tal-kiri tat-twiebet, xi ħaġa li l-kummissjonanti qed iħarsu lejha b’mod pożittiv.

Oħrajn kienu aktar xettiċi dwar kemm il-kremazzjoni se taqbad f’Malta. “Wieħed irid jara kemm se tkun tiswa. Jekk diġà għandek qabar, difna, almenu fl-Addolorata, ftit li xejn se tiswiek flus,” saħaq il-kummissjonant.

Spjegalna kif preżentament, meta wieħed jiġi biex jidfen f’qabar, iħallas €141 biex titneħħa l-irħama (jekk il-qabar ikollu) u €58 għal kull katavru li jkun hemm bżonn jinqala’ biex jitnaddaf il-qabar u xi ħaġa żgħira għad-deffiena. “Kremazzjoni se tiswa ħafna aktar flus,” kompla jgħidilna.

Mistoqsija dwar id-domanda, il-kummissjonanti kollha qalu li fl-aħħar snin id-domanda għall-kremazzjoni żdiedet. Filwaqt li nnutaw li jkun hemm Maltin li jitolbuha,  saħqu li hija ħafna aktar popolari mal-barranin li jiġu jgħixu Malta.

X’nafu sa issa dwar il-kremazzjoni?

Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-kremazzjoni f’Malta tagħlaq fid-29 ta’ Marzu biex b’hekk ix-xahar id-dieħel, il-Gvern, permezz ta’ Private Members Bill tad-Deputata Rosianne Cutajar, mistenni jressaq quddiem il-Parlament l-Att li se jkun qed jillegalizza u jirregola s-servizzi tal-kremazzjoni f’Malta.

Il-pubbliku qed ikun mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk il-Gvern għandux ikollu rwol fil-kremazzjoni u jekk iva jekk għandux jieħu s-servizz f’idejh jew inkella jissieħeb mal-privat.

Il-konsultazzjoni qed tistaqsi wkoll jekk għandux ikun hemm reġistru, simili għal dak tad-donazzjoni tal-organi, li jkun jinkludi lil dawk in-nies li jkunu jixtiequ jiġu kkremati wara mewthom.

Il-Gvern se jkun qed jirregola wkoll il-ħażna u d-dispożizzjoni tal-irmied. Cutajar kienet qalet mal-ILLUM li l-Gvern se jkun qed jipprova jaqta’ x-xewqa ta’ kulħadd sakemm din ma tkunx ta’ dettriment għas-sanità ta’ ħaddieħor.

Fil-fatt, jidher li familja se tkun tista’ tagħżel jekk tidfinx lill-qarib jew qariba tagħha jew inkella żżommx l-urna bl-irmied id-dar. Il-Gvern qed iħares ukoll lejn il-possibbilità ta’ tree cremation.

Anke jekk il-liġi mhux se tkun qed tistabbilixxi x’tip ta’ kremazzjoni għandhom jagħżlu l-operaturi, skont Cutajar, il-Gvern se jimbotta ’l quddiem il-biokremazzjoni.

Il-Gvern qiegħed jipproponi wkoll li qabel kull kremazzjoni, jittieħed kampjun tad-DNA tal-persuna mejta u dan jinżamm għal perjodu ta’ żmien definit. Dwar dan il-punt, il-pubbliku qed ikun ukoll mitlub jagħti l-opinjoni tiegħu.

More in Politika