Żewġt idjar jinsterqu kuljum

Wara li s-serq mir-residenzi privati kienu fost il-ftit każijiet ta’ serq li żdied tul l-2018, il-gazzetta ILLUM tikseb statistika dwar il-każijiet kollha li ħadmet fuqhom il-Pulizija minn Jannar tas-sena li għaddiet

Minn Jannar tas-sena li għaddiet sa Frar ta’ din is-sena, il-Pulizija ħadmet fuq 992 każ ta’ serq minn djar privati f’Malta u f’Għawdex. Skont l-istatistika li kisbet din il-gazzetta mill-Korp tal-Pulizija, dan ifisser li fl-aħħar 14-il xahar insterqu medja ta’ żewġt idjar kuljum.

L-akbar ammont ta’ serq minn residenzi kien irrapportat f’San Pawl il-Baħar. F’din il-lokalità, li tinkludi wkoll Burmarrad, Buġibba, il-Qawra, ix-Xemxija u l-Wardija, fost lokalitjiet żgħar oħra, insterqu 117-il dar.

Dan ifisser li kważi 12% tas-serq kollu mid-djar li kien irrapportat f’dawn l-14-il xahar seħħew f’dawn il-lokalitajiet.

Wara San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema ra l-akbar ammont ta’ serq mir-residenzi, fejn b’kollox, fl-istess perjodu, insterqu 66 dar. Warajh, il-lokalità turistika tant qrib, San Ġiljan, fejn ħallelin irnexxielhom jidħlu u jisirqu 59 residenza privata.

Fl-Imsida, f’Birkirkara u f’Birżebbuġa, fl-istess perjodu, il-Pulizija rċeviet aktar minn 40 rapport dwar serq minn residenzi.

Mill-Imsida, il-Pulizija rċeviet 44 rapport, filwaqt li f’Birkirkara ħadmet fuq 43 każ. Għall-Imsida, dan l-ammont huwa sinifikanti aktar u aktar meta tqabblu mar-rata ta’ serq f’Birkirkara li l-popolazzjoni tagħha hija kważi t-triplu ta’ dik Misidjana.

L-istess jista’ jgħodd għal Birżebbuġa. Minkejja li skont l-aħħar ċensiment il-popolazzjoni ta’ dan ir-raħal hija kważi nofs dik Karkariża, f’Birżebbuġa nsterqu kważi l-istess ammont ta’ djar.

Kif irrapportat din il-gazzetta l-Ħadd li għadda, f’Birżebbuġa, kienu rrapportati 41 każ ta’ serq minn djar privati, bi 13-il serqa jseħħu kollha x-xahar li għadda.

Mill-istatistika li għandha f’idha din il-gazzetta, jirriżulta li l-Mosta u Bormla kienu wkoll fost l-aktar lokalitajiet li fihom insterqu djar.

Bħal fil-każ tal-Imsida, Birkirkara u Birżebbuġa, f’Bormla seħħ kważi l-istess ammont ta’ serq mid-djar li seħħ fil-Mosta u dan minkejja li l-popolazzjoni Mostija hija kważi erba’ darbiet akbar dik Bormliża.

Bejn Jannar 2018 u Frar li għadda, fil-Mosta nsterqu 32 dar filwaqt li minn Bormla nsterqu 30 residenza.

F’lokalitajiet oħra, jiġifieri f’Ħ’Attard, fil-Fgura, fil-Gżira, fil-Ħamrun, f’Wied il-Għajn, fil-Mellieħa, fin-Naxxar, f’Raħal Ġdid, f’Ħal Qormi, fis-Swieqi u f’Ħaż-Żabbar, f’dawn l-14-il xahar, kienu rraportati ’l fuq minn 20 serqa.

F’Għawdex insterqu 41 residenza f’14-il xahar

Bejn Jannar tas-sena li għaddiet u Frar ta’ din is-sena, f’Għawdex insterqu 41 residenza.

L-aktar lokalità li fiha nsterqu residenzi kienet dik taż-Żebbuġ li magħha jagħmel ukoll il-villaġġ turistiku ta’ Marsalforn. F’dawn iż-żewġ villaġġi, insterqu 10 residenzi.

Fir-Rabat, kienu rrapportati 8 każijiet, filwaqt li fil-lokalitajiet l-oħra Għawdxin kienu rrapportati inqas minn 5 serqiet.

Il-maġġoranza tas-serq seħħ meta ħallelin daħlu f’residenzi okkupati

L-istatistika li għandha f’idha din il-gazzetta tagħmel ukoll distinzjoni bejn is-serq li seħħ f’residenzi li fihom jgħixu n-nies, oħrajn vakanti li jinkludu wkoll proprjetajiet ta’ villeġġjatura u anke serq minn fuq barra ta’ djar, bħal ngħidu aħna minn parapetti.

Il-maġġoranza assoluta tas-serq li seħħ mid-djar f’dawn l-aħħar 14-il xahar, jiġifieri 717-il serqa, seħħew proprju meta l-ħallelin irnexxielhom jidħlu fir-residenzi li fihom jgħixu n-nies.

147 rapport ieħor kienu jinkludu serq minn fuq barra tad-djar, filwaqt li nsterqu wkoll madwar 128 dar vakanti jew proprjetajiet ta’ villeġġjatura.

Il-Pulizija ma setgħetx twieġeb kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti u kemm minnhom għadhom pendenti.

X’tista’ tagħmel biex tevita li tiġi misruq?

Fid-dar persuna għandha s-sigurtà tagħha. Kulħadd jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jassigura li daru tkun protetta, iżda kulħadd ġieli llaxka xi ftit bħal meta hawn min iħalli ċ-ċavetta fil-kaxxa tal-ittri jew f’xi qasrija quddiem il-bieb.

Dawn huma ftit punti li tagħmel aċċenn għalihom il-Pulizija u li jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ serq minn residenzi:

  • Id-dawl fuq barra tar-residenza għandu jkun tajjeb
  • It-twieqi, partikolarmanent dawk li jagħtu għal barra u fil-livell tat-triq għandhom ikunu siguri
  • Is-serratura tal-bibien u t-twieqi għandha tkun b’saħħitha
  • Il-ħasira, jew inkella xi ħaġa simili mal-bieb ta’ barra, għandha tkun evitata
  • Alarm dejjem tista’ sservi ta’ deterrent.
  • Oġġetti li jiswew il-flus jew dokumenti importanti għandhom jintrefgħu f’post sigur u li ma jidhirx.
  • Somom kbar ta’ flus u oġġetti ta’ valur ma għandhomx jinżammu fid-djar mingħajr ma jkunu siguri
  • Oġġetti prezzjużi, bħal ġojjellerija jew antikitajiet għandu jitteħdilhom ritratt
  • Qatt tħalli ċwievet f’xi qasrija, kaxxa tal-ittri jew taħt it-tapit
  • Il-bibien ta’ barra għandhom ikollhom ktajjen jew inkella post minn fejn persuna tittawwal u tiċċekkja sew min ikun ħabbat
  • Staqsi jew iċċekkja għal dokumenti ta’ identifikazzjoni qabel ma tħalli nies jidħlu
  • Qatt tagħti informazzjoni fuq il-midja soċjali meta tkun se ssiefer, se toħroġ jew li tista’ tindika li mhux qiegħed/qiegħda d-dar
  • Siġar u pjanti quddiem ir-residenzi għandhom jinżammu baxxi biex il-bibien u t-twieqi jkunu jidhru sewwa
  • F’każ li tilmaħ persuni jew vetturi suspettużi quddiem id-dar tiegħek għandek iċċempel l-għassa tal-lokalità jew inkella fuq 119

More in Politika