Għada, fil-laqgħa tal-Kabinett, grupp ta' esperti Għawdxin mistennijin iressqu dokument ta' 100 paġna dwar Għawdex u li fost oħrajn se jippropponi illi sal-aħħar tas-sena jsir referendum biex l-Għawdxin jiddeċiedu d-destin tagħhom, ma' Malta jew isiru indipendenti, ħolma ta' bosta, imma l-biża' ta' ħafna oħrajn.
Il-kabinett mhux mistenni jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan id-dokument, għalkemm dan il-grupp ta' esperti jsostnu li referendum xorta jista' jsir mingħajr l-approvazzjoni tal-Gvern, simili ħafna għal dak li ġara fi Spanja fil-każ ta' Katalunja.
Dan is-sit jinsab infurmat illi f'artiklu partikolari fid-dokument, hemm proposta li jsir referendum biex l-Għawdxin jiddeċiedu d-destin tagħhom.
Dawn il-pjanijiet mhux mistennijin li jagħmlu effett fuq il-proġett tal-mina li mistenni xorta jsir għalkemm ikun jinkludi s-sigurtà neċċessarja.
Id-dokument ma jidħolx f'dettalji partikolari dwar kif isir il-proċess jekk l-Ghawdxin jiddeċiedu li fil-fatt iridu li jkunu indipendenti.
Kemm il-PN u anke l-PL mistennijin jopponu bil-qawwa dawn il-pjanijiet.