Aġġornata | Strajk … Il-futbol kollu f’Malta wieqaf mill-Ġimgħa

L-MFA tgħid li tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni biex tissalvagwardja l-logħba 

Ritratt | Stadium DB
Ritratt | Stadium DB

Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat li minn tmiem il-ġimgħa li ġej, l-futbol kollu f’Malta mistenni jkun wieqaf minnħabba strajk mir-referis. Riżultat ta' hekk, il-kampjonat BOV Premier, l-Ewwel Diviżjoni, it-Tieni Diviżjoni, it-Tielet Diviżjoni, il-Youth FA, il-MAFA, il-IASC u s-SWAN,  kollha se jkunu weqfin.

Kien propju dalgħodu li l-Malta Football Referees Association (MFRA) ħarġet direttiva sabiex ir-referis membri ma’ jmorrux għall-logħob. Deċiżjoni mmotivata mill-karba tal-MFRA sabiex jiġu r-riveduti l-pagi tar-referis lokali.  

Jidher issa li d-diskussjoni bejn iż-żewġ partijiet li ilha għaddejja għal diversi xhur, ikkrollat u għalhekk l-MFRA ordnat lill-membri tagħha jsegwu din id-direttiva.

F’intervista ma’ dan is-sit ftit ġimgħat ilu, Alexei Tabone l-President tal-MFRA, kien diġà wissa li r-referis se jkunu qegħdin jieħdu azzjoni drastika jekk kollox jibqa’ kif inhu. Dakinhar huwa kien qal, “jekk nibqgħu bla risposta konkreta fuq il-pagi sa ġimgħa oħra se nieħdu azzjoni.”

Minkejja dan kollu, meta fi Frar l-MFRA kienet ħabbret l-ewwel direttivi tagħha dak iż-żmien mhux diretti, sors qrib sew l-operat tal-MFA kien qal li, “f’każ li s-sitwazzjoni teskala fosthom b’direttivi li jfixklu l-logħob, l-MFA hi lesta biex iġġib referis minn barra biex jirrefjaw il-partiti."

 

 

‘Qbil bil-miktub u tiġi riveduta din id-deċiżjoni’

Fi stqarrija l-MFRA qalet li ‘deadlines’ li ħarġet għar-riveżjonijiet ma ġewx rispettati u għalhekk ħarġet din id-direttiva. Minkejja dan l-MFRA qalet li, jidher li l-bierah ssejjħet laqgħa super-urġenti mill-MFA man-negozjaturi li qed jirrappreżentaw l-MFRA u jidher li hemm forma ta’ qbil, liema qbil verbali jekk jigi kkonfermat uffiċjalment bil-miktub f’dawn is-siegħat li ġejjin, l-MFRA tirrevedi din id-deċiżjoni).

Il-kwistjoni tal-pagi fi ftit kliem

Jidher li l-amministrazzjoni attwali kienu wiegħdu li se jiġu riveduti l-pagi tar-referis u dan kien sar. Riżultat ta’ hekk ċertu referis żdiedu bi 30% u oħrajn, bħar-referis tal-Premier, żdiedu b’100%. Minkejja dan ftit snin wara, l-MFA taħt it-tmexxija ta’ Norman Darmanin Demajo, neħħiet il-kumpens għat-taħriġ li kien jingħata lir-referis u li b’kollox kien jammonta għal €1,750 fis-sena.

Fl-istess intervista mal-ILLUM, Tabone kien spjega kif disa snin’ ilu r-referis tal-Premier kienu mħallsin aktar mill-lum il-ġurnata, ”ironikament dak iż-żmien konna qed ngħidu li r-referì ma kienx imħallas biżżejjed, kien saħaq Tabone.

'L-MFA ma kienetx qed tistenna din id-deċiżjoni'

Fi stqarrija l-MFA qalet li ma kienetx infurmata bid-deċiżjoni tal-MFRA speċjalment f'mument ta' diskussjonijiet pożittivi ferm bejn iż-żewġ partijiet. Fosthom dik tal-bieraħ li skont l-MFA, kien hemm qbil bejn iż-żewġ Assoċjazzjonijiet.

L-MFA qalet ukoll li dan il-qbil irrid l-ewwel jiġi approvat mill-kumitat Eżekuttiv u għalhekk wieħed irrid jirrispetta l-proċeduri tal-Assoċjazzjoni.

Fl-aħħar nett hi qalet li qiegħda tieħu din il-kwistjoni bis-serjetà ħafna u li  tirriserva d-dritt li tieħu azzjoni biex tissalvagwardja mhux biss l-interessi tagħha u tal-klabbs iżda wkoll l-integrità tal-logħba.

More in Politika