Il-President ta' Malta George Vella kien skjett meta mistoqsi mill-ILLUM x'jagħmel jekk quddiemu tiġi liġi li tillegalizza l-abort f'Malta. Il-President ma jiffirmahiex u jirriżenja minnufih.
“Jekk quddiemi tiġi liġi dwar l-abort jien ma naqbilx magħha u ma niffirmahiex u l-uniku triq tiegħi tkun li nirriżenja,” saħaq il-President u meta mistoqsi jekk jasalx jagħmel dak li stqarr, George Vella wieġeb għal tliet darbiet: "Bla dubju."
Komplejna nistaqsu lill-President jekk jaħsibx li almenu l-pajjiż għandux jiddiskuti dan is-suġġett, hekk kif diversi persuni li huma kontra l-abort jisħqu li dan huwa suġġett li lanqas biss għandu jkun diskuss.
Il-President huwa ta' fehma oħra, anzi saħaq li huwa importanti li jkun hawn dibattitu infurmat.
"Jiena nemmen ħafna li għandna nagħmlu kampanja edukattiva qawwija fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva maż-żgħażagħ … Jien ma għandi xejn kontra miżuri li wieħed bihom jilqa’. Kulħadd jifhem il-problemi psikoloġiċi li jgħaddu minnhom dawk li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni. Jiena għamilt għomri kollu tabib. Naf x'jiġifieri ... Imma l-abort mhux soluzzjoni,” insista l-President.
Kompla jisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li fi kliemu jaħsbu ħafna fl-Ewropa, is-saħħa sesswali u riproduttiva ma tfissirx li wieħed għandu jkollu d-dritt li joqtol tarbija.
“L-abort huwa purament qtil … jekk se tillegalizza l-abort qed tillegalizza l-qtil … Iżda biex teduka trid tiddibatti,” tenna l-President. "Jekk żagħżugħ se tgħidlu tidħolx f'dik il-kamra. L-ewwel li se jistaqsik huwa għalxiex, awtomatikament għax aħna razzjonali. Imma jekk jiena nispjegalu li f'dik il-kamra hemm travu msewwes u hemm ċans li jaqa' fuqu, hu stess se jirraġuna li ma għandux jidħol."
Il-President George Vella se jkun qed iwieġeb aktar mistoqsijiet, nhar il-Ħadd 7 ta’ April fuq il-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd ILLUM.
Source: Il-President George Vella dwar l-abort by Illum