'Iddiskutejna l-possibbilità li nilqgħu pazjenti feruti mil-Libja' - Ivan Falzon

Sa issa ma kien hemm l-ebda talba biex persuni feruti fil-Libja jinġiebu Malta

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon, qal ma' dan is-sit li l-amministrazzjoni tal-Isptar iddiskutiet il-possibbilità li persuni feruti fil-kunflitt Libjan ikunu rikoverati fl-Isptar Mater Dei.

F'kummenti mas-sit illum.com.mt, Ivan Falzon saħaq li t-tmexxija tal-isptar dejjem tipprepara biex tkun lesta li tilqa' għal kull eventwalità, kif ġieli ġara wkoll fil-passat.

Madanakollu, Falzon saħaq li l-awtoritajiet Maltin għad ma kellhom l-ebda talba minn awtoritajiet Libjani biex persuni feruti fil-kunflitt li għaddej bħalissa fi Tripli, jkunu rikoverati fl-isptar Malti.

"Aħna nkunu lesti għal kull eventwalità," saħaq Falzon.

Fl-aħħar jiem, forzi mmexxija minn Gen Khalifa Haftar bdew attakk qalil fuq il-belt bil-għan li joħduha minn idejn il-Gvern li jgawdi l-appoġġ tal-Ġnus Maqgħuda.

Skont il-Ministeru għas-Saħħa Libjan, minn tal-inqas 25 persuna nqatlu filwaqt li madwar 80 persuna weġġgħu u dawn jinkludu mhux biss suldati iżda anke nies ċivili.

More in Politika