‘Ħafna pazjenti tad-dijabete qed jilmentaw mill-magni ġodda mqassma mill-Gvern’
Spiżjara jisħqu mal-ILLUM li diversi pazjenti qed jilmentaw dwar il-magni ġodda li l-Gvern qassam fl-aħħar xhur lid-dijabetiċi biex jiċċekkjaw il-livell taz-zokkor fid-demm. X’qed jgħidu l-pazjenti u kif wieġeb il-Ministeru?
minn Yendrick Cioffi
Ħames spiżjara differenti li tkellmu mal-gazzetta ILLUM u ilmentaw dwar il-magni ġodda li l-Gvern qassam u li għadu qed iqassam lil dawk id-dijabetiċi li jieħdu l-mediċina biex ikunu jistgħu jiċċekkjaw u jikkontrollaw aħjar il-livell taz-zokkor fid-demm.
L-ispiżjara li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu li l-magni tad-ditta U-Right, li tqassmu fl-aħħar xhur mhumiex preċiżi daqs magni oħra li kienu jintużaw qabel u dan qiegħed jagħmel il-ħajja ta’ persuni dijabetiċi aktar diffiċli.
Madanakollu, mal-gazzetta ILLUM, filwaqt li kkonferma li rċieva ilmenti, il-Ministeru għas-Saħħa insista li fl-ebda każ ma nstab li l-magna ma kinitx qed taħdem kif suppost.
Mis-sena li għaddiet, il-Gvern beda jqassam b’xejn il-magni u l-istikek lil dawk id-dijabetiċi kollha li jieħdu l-mediċina biex jikkontrollaw il-livell taz-zokkor fid-demm.
Oriġinarjament, dawn kienu jingħataw biss lil dawk il-pazjenti li għandhom dijabete ta’ Tip 1.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ diversi spiżjara wara li persuna li tbati mid-dijabete ta’ Tip 1 uriet it-tħassib tagħha għall-fatt li l-ispiżjara tagħha qaltilha dwar din il-problema li qed tiltaqa’ magħha ta’ spiss.
Fil-fatt, din il-persuna li tkellmet mal-ILLUM tagħmel użu kuljum mill-magna tad-dijabete tat-tip On Call Platinum li kienet ingħatatilha b’xejn mill-Gvern u li kull xaharejn tiġbor l-istikek għaliha permezz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).
Jidher iżda li l-magni ta’ dan it-tip eventwalment se jkunu qed jinbidlu kollha ma’ dawk tat-tip U-Right, tant li meta staqsiet lill-infermiera tal-Klinika tad-Dijabete tal-Isptar Mater Dei, infurmawha li ’l quddiem għandha tirċievi ittra dwar meta għandha tbiddel il-magna.
Skont l-informazzjoni li għandha din il-gazzetta, sa issa nbidlu l-magni tad-dijabete fis-swali tal-Isptar Mater Dei u ngħataw ukoll lil dawk il-pazjenti li bbenefikaw mill-estensjoni tal-iskema tal-Gvern għat-tqassim tal-istikek b’xejn.
“L-ispiżjara qaltli li qed ikollhom ħafna problemi u li l-magni l-ġodda mhumiex preċiżi. Jekk hemm il-problemi, nippreferi nibqa’ bil-magna li għandi issa. Jiena niċċekkja z-zokkor sitt darbiet kuljum u nikkalkula kemm nieħu insulina skont il-livell taz-zokkor,” qaltilna din il-persuna.
‘Il-pazjenti l-ħin kollu ġejjin bl-ilmenti’
Kien dan li wassal lill-ILLUM biex tagħmel kuntatt ma’ ħames spiżjara differenti li kollha lmentaw dwar il-magni l-ġodda li permezz tagħhom wieħed jiċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm.
“Il-ħin kollu ġejjin il-pazjenti bihom jilmentaw,” qaltilna waħda mill-ispiżjara. “Mhux dejjem ikunu preċiżi. Ġieli jkejlu mod meta l-livell ikun ieħor. Għall-pazjenti din hija problema.”
Spiżjar ieħor saħanistra qalilna li jmorru ħafna pazjenti għandu għax dawn il-magni ġieli jixegħlu u ġieli ma jixegħlux.
“Ma ġietx persuna jew tnejn bl-ilmenti. Ġew ħafna,” kompla jgħidilna.
Din l-istess informazzjoni kienet ikkonfermata mill-ispiżjara kollha li kellmet il-gazzetta ILLUM.
Il-Ministeru jikkonferma li kien hemm ilmenti iżda...
Intant din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Ministeru għas-Saħħa biex tistaqsi dwar dawn il-magni, għalfejn biddilhom u ma baqax iqassam il-magni On Call u jekk irċeviex ilmenti dwar dawn il-magni l-ġodda.
Fir-risposta tiegħu, il-Ministeru għas-Saħħa, fakkar li l-POYC qassmet ’il fuq minn 28,000 magna tad-dijabete u dawn tqassmu lid-dijabetiċi kollha rreġistrati u li jieħdu xi tip ta’ mediċina għall-kundizzjoni tagħhom sal-aħħar tas-sena li għaddiet.
Il-Ministeru kkonferma wkoll li rċieva lmenti dwar dawn il-magni, iżda insista li din hija xi ħaġa normali meta jitqassam tagħmir lil numru daqshekk kbir ta’ nies.
“L-ilmenti ġew investigati, apparti li saru testijiet professjonali kemm lokalment u anke barra minn Malta fuq dan it-tagħmir. F’kull każ fejn xi magna ngħatat lid-Dipartiment għat-testijiet, dawn ġew ittestjati u fl-ebda każ ma nstab li l-magna ma kinitx qed taħdem kif suppost,” temm jisħaq il-Ministeru.
U l-aġent kif wieġeb?
Intant din il-gazzetta, bagħtet tistaqsi wkoll lil Europharma Ltd, l-aġent tal-magni U-Right, biex tistaqsihom dwar dawn l-ilmenti u x’passi qed jittieħdu.
Fit-tweġiba tiegħu, Alex Fenech, Business Development Manager tal-kumpanija, wieġeb biss li l-kuntratt ta’ fornitura tal-magni taz-zokkor U-Right huwa bejn Europharma Ltd u d-Dipartiment tas-Saħħa.
“Għaldaqstant, nistiednek tirreferi għad-Dipartiment tas-Saħħa għal kwalunkwe informazzjoni meħtieġa,” temm jgħidilna.
It-tweġiba li reġgħet irċeviet din il-gazzetta kienet li kull ilment li rċieva d-Dipartiment tas-Saħħa ġie investigat mhux biss mill-kumpanija li tipprovdi l-magni, iżda anke minn esperti tal-Gvern b’mod indipendenti.
“Kull investigazzjoni rriżultat fin-negattiv, hekk kif il-magni kollha kienu fil-parametri skont l-istandards meħtieġa,” tgħid it-tweġiba.
Preżentament, kull persuna f’Malta u f’Għawdex li tbati mill-marda tad-dijabete u li tieħu mediċina biex tikkontrolla din il-kundizzjoni għandha l-faċilità li tiċċekkja l-livell taz-zokkor fid-demm fil-kumdità ta’ darha.
Hu stmat li kull sena, il-Gvern iqassam madwar 18-il miljun stikka bi spiża ta’ madwar miljun ewro.
Il-proġett kien beda fis-sena 2016, fejn l-ewwel li bdew jingħataw stikek tad-dijabete kienu t-tfal. Wara dawn bdew jingħataw ukoll lid-dijabetiċi tat-Tip 1 kollha u aktar tard lid-dijabetiċi tat-Tip 2 u li jieħdu l-insulina.
Wara dawn kien imiss li l-magni u l-istikek jingħataw ukoll lid-dijabetiċi tat-Tip 2 li qegħdin fuq il-mediċina orali.
Il-pazjenti fuq l-insulina jingħataw erba’ stikek kuljum filwaqt li dawk fuq il-mediċina orali jingħataw stikka waħda kuljum.