Il-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi ppublika rapport illi fih qal li l-prattika li tagħti impjiegi governattivi jew ta' konsulenzi lid-Deputati tal-backbench hija 'fundamentalment ħażina.'
Il-Kummissarju ikkonkluda li din il-prattika tkisser l-irwol tal-Parlament fl-iskrutinizzar tal-Eżekuttiv (il-Gvern), tmur kontra l-prinċipji tal-Kostituzzjoni, tmur kontra l-Kodiċi ta' Etika tal-Impjegati Pubbliċi u membri ta' bords, tpoġġi lid-deputati f'pożizzjoni ta' dipendenza finanzjarja fuq l-Eżekuttiv u allura tnaqqas l-indipendenza tagħhom. Kompla jgħid illi din il-prattika tiddiskrimina bejn Deputati tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni għax tagħti lil dawk tal-Gvern vantaġġ, tippolitiċiżża entitajiet statutorji u tnaqqas mill-indipendenza tagħhom u toħloq impjiegi mhux bżonnjużi jew timla pożzizzjonijiet b'nies li mhux neċessassarjament huma l-aħjar għal dak l-impjieg.
"Iktar minn hekk, l-użu tad-Deputati bħala persons of trust jista' jkun ukoll li qed jikser il-Kostituzzjoni, anke jekk dan irid ikun determinat mill-Qorti Kostituzzjonali."
Ir-rapport huwa frott ilment tad-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia, li staqsa lill-Kummissarju biex jinvestiga jekk Deputati li jservu ta' impjegati jew konsulenti mal-gvern kinux f'kunflitt ta' interess.
Fl-investigazzjonijiet il-Kummissarju sab li d-Deputati kollha tal-backbench tal-Gvern kienu impjegati jew ingaġġati mal-gvern, direttament jew indirettament filwaqt li xi Deputati tal-Oppożizzjoni huma impjegati regolari ta' dipartimenti jew aġenziji tal-gvern.
Fl-ikbar numru ta' każi dawn id-deputati kienu impjegati wara li kienu eletti of uħud minnhom huma persuni ta' fiduċj jew fuq kuntratti ta' servizz lill-ministeri tal-gvern.