Bedingfield jipproponi post alternattiv għad-dormitorju tal-Università Amerikana ta’ Malta
Propost dormitorju flok l-unika spazju għall-parkeġġ għall-Bormliżi u s-Senglejani iżda mal-ILLUM Bedingfield jesprimi t-tħassib tiegħu u jippropni siti alternattivi
minn Liam Carter
Id-dormitorju propost għall-Univeristà Amerikana fi Triq San Pawl f’Bormla, huwa proġett ta’ tħassib għal diversi residenti tal-madwar fosthom dawk Bormliżi u Senglejani. Tant u hekk li fix-xhur li għaddew, kemm il-Kunsill ta’ Bormla kif ukoll tal-Isla esprimew ir-riżervi tagħhom dwar dan il-proġett f’laqgħat mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Din il-ġimgħa wkoll id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield esprima t-tħassib tiegħu dwar l-istat li fih tinsab il-pjazza ta’ bejn l-Isla u Bormla meta fuq il-paġna tiegħu ta’ Twitter esprima r-riżervi tiegħu dwar l-istat li tinsab fih il-pjazza u l-proġett tad-dormitorju nnifsu.
L-ILLUM tkellmet ma’ Bedingfield u staqsietu eżattament biex jelabora fuq ir-riżervi tiegħu. Ma' din il-gazzetta huwa jibda biex jisħaq, “jien naqbel mar-residenti. Bħala rappreżentant tagħhom fil-Parlament huwa obbligu tiegħi li nitkellem f'isem in-nies billi nkun il-vuċi tagħhom fil-Parlament. Ir-riżervi li għandi dwar dan il-proġett ġejjin mill-fatt li l-ewwel nett se jsir bini fuq spazju miftuħ u barra minn hekk, fl-inħawi, kemm għar-residenti ta' Bormla u anke għal tal-Isla se tkompli żżid il-problema kbira ta' parkeġġ li teżisti.”
Mal-ILLUM huwa qal li jkun aħjar kieku din iż-żona tiġi żviluppata f’parkeġġ taħt l-art li jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti tal-madwar.
“Fl-Isla ma hemmx post ieħor fejn tista' ssir parkeġġ għax hija belt żgħira li ma fihiex spazju miftuħ,” qal id-deputat. “Il-pjazza ta' quddiem il-bastjun ta' San Mikiel hija l-unika żona fejn tista' ssir parkeġġ.”
Minkejja t-tħassib tiegħu dwar il-proġett tad-dormitorju, Bedingfield għamilha ċara li m’għandux tħassib dwar ix-xogħol li sar mill-AUM fil-baċir numru wieħed u l-madwar. “Iż-żona tal-Baċir numru wieħed hi isbaħ milli qatt kienet. Sfortunatament għadna mhux naraw numru ta' studenti li wieħed jixtieq. Minn dak il-lat jien iddiżappuntat, għaliex huwa proġett li nixtieq jarah jikber però mhux għad-detriment tan-nies.”
Mistoqsi jekk jaħsibx li dan il-proġett għandu jsir f’żona oħra Bedingfield kien pront jirrispondi li, “il-proġett imsemmi għal dik il-pjazza ma għandux isir u l-AUM u l-Gvern għandhom iħarsu lejn siti oħrajn.”
Apparti minn hekk, id-Deputat ilmenta dwar l-istat li attwalment tinsab fih din il-pjazza, b’ġebel maqlugħ, terrapien u skart li nġema’ tul ix-xhur li x-xogħol ilu wieqaf. “Ma nafx il-għala għadu maqlugħ u mhux imdawwar b'xatba adegwata. Jien qed ngħid li għandu jitneħħa l-ġebel iż-żejjed u jibqa' jintuża bħala parkeġġ. L-applikazzjoni quddiem il-PA għadha pendenti u tista' tmur kull naħa.”
Żied jgħid li, “ma nafx kif beda x-xogħol, jekk kienx hemm permess ieħor jew le. Jidhirli ukoll li l-bini tad-dormitorju seta’ jibda biss wara li jkun irranġat il-bini tal-Kavallieri, li mhux se jkun lest mil-lum għal għada. Allura sakemm jinħareġ il-permess (jekk joħroġ) għax ma għandniex nibqgħu nużaw dik iż-żona?,” temm jistaqsi Bedingfield.
Interessanti huwa l-fatt li skontu din iż-żona tintuża wkoll għal nies li jkunu qed jaqsmu bil-lanċa mit-Tlett Ibliet għall-Kapitali u li jħallu l-karozza pparkjata hemmhekk.
“Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu kumplimentari ma' xulxin. Mhux jiddeċiedu li nżidu l-frekwenza tal-vjaġġi bil-baħar imma mbagħad min jiġi ma jkollux fejn jipparkja. Bla dubju, jekk jibqgħu jiżdiedu n-nies li jużaw il-lanċa għall-Belt u l-parking jitneħħa, it-trasport bil-lanċa lejn il-Belt ikun affettwat.”
Fid-dawl ta' dan, l-ILLUM staqsiet lil Bedingfield biex jelenka xi postijiet fejn dan l-iżvilupp jista’ jseħħ. Huwa jirrispondi u jgħid, “Il-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara li hija kbira u mitluqa tkun irrestawrata u mibdula f’dormitorju u b’hekk inkunu qed nolqtu żewġ għasafar b'ġebla waħda u salvajna l-ispazju miftuħ bejn Bormla u Isla.”
Din il-Fortizza li tinsab ftit metri ’l fuq mid-daħla tal-Kalkara hi proprjetà privata li għal żmien twil kienet tintuża bħala fabbrika għall-precast concrete. Mistoqsi jekk hux possibbli li din tgħaddi għand il-Gvern, Bedingfield sostna li fil fehma tiegħu, “jista' jsir qbil mas-sidien min-naħa tal-Gvern biex jiksibha lura f’idu.”
Iżda apparti minn dan is-sit, huwa qal li bini storiku ieħor li jista’ jintuża hu dak tal-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu li wkoll qiegħed jaqa' biċċiet. “Fl-2002 il-Gvern tah lill-privat u kien abbandunat. Il-Gvern jista' dejjem jieħdu lura għax għadu proprjetà tiegħu, u jagħtih lill-AUM jirranġawh u jagħmlu dormitorju fih. Inkunu salvajna wirt storiku u tajnieh skop. Hemm diversi alternattivi li jistgħu jkunu studjati. Jekk il-Gvern u l-AUM ipoġġu madwar mejda, żgur li jsibu postijiet alternattivi fejn nistgħu naqdu l-ħtiġijiet ta' kulħadd,” temm jgħid id-Deputat Laburista.
X’qalilna s-Sindku tal-Isla?
F’kummenti ma’ din il-gazzetta, is-Sindku tal-Isla Clive Pulis saħaq illi bħala Kunsill qiegħdin jopponu dan l-iżvilupp tad-dormitorju. “L-Isla diġà għandha problema ta’ parkeġġ, b’dan il-proġett din se tmur għall-agħar. Aħna formalment oġġezzjonajna dan il-proġett mal-Awtorità tal-Ippjanar,” saħaq Pulis.
Bħal Bedingfield, Pulis qal ukoll illi dan il-proġett jaf jolqot ukoll mhux biss lis-Senglejani iżda dawk in-nies li jipparkjaw hemmhekk sabiex jaqbdu l-lanċa għall-Belt Valletta.
Fl-istess waqt huwa spjega lil din il-gazzetta kif dan il-proġett li x-xogħol fuqu kien beda ftit tax-xhur ilu u waqaf minħabba skoperti storiċi qiegħed jagħti dehra kerha lil-lokalitajiet tal-madwar. “Meta jieqfu t-turisti biex jitilgħu l-Isla jaraw it-tifrik li hemm mix-xogħol. Lanqas biss hu mgħotti. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin inkellmu lill-AUM u nitolbu biex dan is-sit ma jibqax hekk,” temm jgħid Pulis.
X’qaltilna s-Sindku ta' Bormla?
L-ILLUM tkellmet ukoll mas-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli illi reġgħet tenniet li għalkemm il-Kunsill mhuwiex kontra dan il-proġett, qed jagħmlu r-rikjesta li nofs l-ispazji tal-parkeġġ ikunu riservati għar-residenti ta’ Bormla.
Zerafa Civelli kienet diġà tkellmet dwar dan waqt laqgħa tal-PA. F’Marzu li għadda hi kienet qalet illi l-problema ta’ parking f’Bormla ma tistax tiġi injorata mill-Awtorità tal-Ippjanar u li b’dan l-iżvilupp se tkun qed tiġi intensifikata din il-problema persistenti.