Il-propjetarji tal-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara jinsabu lesti li jiltaqgħu mal-Gvern u jiddiskutu l-possibilità li din l-art tkun esproprijata bl-għan li jinbena d-dormitorju tal-Università Amerikan ta’ Malta hemmhekk. F’kuntatt ma’ din il-gazzetta wieħed mill-propjetarji kkonferma dan u stqarr li l-propjetarji huma lesti li jikkunsidraw u jiddiskutu din il-possibilità mal-Gvern u l-partijiet interessati kollha.
F’kummenti li ta lill-ILLUM il-ġimgħa l-oħra, id-Deputat Laburista Glenn Bedingifled ippropona żewġ siti alternattivi għad-dormitorju tal-AUM f’Bormla, b’wieħed minnhom ikun dak tas-Salvatur. Mal-ILLUM Bedingfield stqarr illi pjanijiet attwali għad-dormitorju tal-AUM f’Bormla se jkunu qegħdin jieħu l-uniku spazju miftuħ u anke l-unika żona ta’ parkeġġ għas-Senglejani u l-Bormliżi.
Interessanti l-fatt li kuntrarju għal bini storiku ieħor, din tas-Salvatur hi totalment proprjetà privata. Dan għaliex lura għall-1958 proprju ftit qabel l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff irriżenja ftit wara l-ġlieda mal-ħakkiema Ingliżi u n-negozjati tal-Marshall Plan, huwa kera din l-art lil ħuh Raymond Mintoff, flimkien Saviour Guillaumier, Louis Naudi, Frank Abela and Francis Dingli b’kirja ta’ €200 fis-sena.
B’hekk din il-fortizza bdiet tintuża bħala fabbrika għall-‘precast concrete’. Imbagħad meta reġa' ġie elett Prim Ministru fl-1982, Mintoff ta t-titlu tal-art lil ħuh għalkollox. B’hekk il-propjetarji kienu akkwistaw din il-fortizza bis-somma miżera ta’ Lm2,000 jew inkella €4,650. Xi snin ilu kien ġie rrapportat illi l-propjetarji tal-fortizza kienu qed jitolbu s-somma ta’ €3.2 miljun.
Apparti minn dan, din il-fortizza kienet ukoll proposta bħala s-sit alternattiv tal-Università Amerikana fiż-Żonqor. Dak iż-żmien din kienet ġie miċħuda minħabba l-fatt li dan is-sit kien kompletament f’idejn privati.
Minkejja dan, l-ILLUM tinsab informata li fi żmien riċenti din il-Fortizza nbiegħet lil propjetarji oħra u li l-permess għall-produzzjoni ta’ ‘precast concrete’ għadu validu. Ta’ min jinnota li għalkemm rari, esproprijazzjoniet simili ta’ art u proprjetà mill-Gvern ġieli saret, pereżempju fil-Cafè Premier fil-Belt Valletta u fiż-żona magħrufa bħala tal-Fekruna.
Xi rrapportat bħal-lum ġimgħa l-ILLUM?
Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield stqarr ma’ din il-gazzetta illi fid-dawl ta’ tħassib serju fil-Kottonera rigward il-bini tad-dormitorju fi triq San Pawl f’Bormla, il-Gvern għandu jħares lejn siti alternattivi.
Mal-ILLUM Bedingfield sostna li post alternattiv għal dan jista' jkun il-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara li hija kbira u mitluqa u li kieku tkun irrestawrata u mibdula f’dormitorju, “inkunu qed nagħtuha ħajja ġdida u nsalvaw l-ispazju miftuħ bejn Bormla u l-Isla.”
Apparti minn dan is-sit, huwa qal li bini storiku ieħor li jista’ jintuża hu dak tal-Palazz tal-Kaptan tal-Galjuni fix-xatt tal-Birgu li wkoll qiegħed jaqa' biċċiet u li fl-2002 għadda għand il-privat.
“Inkunu salvajna wirt storiku u tajnieh skop. Hemm diversi alternattivi li jistgħu jkunu studjati. Jekk il-Gvern u l-AUM ipoġġu madwar mejda, żgur li jsibu postijiet alternattivi fejn nistgħu naqdu l-ħtiġijiet ta' kulħadd,” kien tenna jgħid Bedingfield.