Il-kuluri kollha ta’ Helena. L-ILLUM tistaqsihom x’jaħsbu...
Helena Dalli spiċċat minn Ministru tal-Ugwaljanza. Kariga li għamlitha popolari u maħbuba u daqstant ieħor ikkritikata. L-ILLUM tistaqsi
minn Albert Gauci Cunningham
Ħames snin wara li Helena Dalli laħqet l-ogħla quċċata fil-karriera politika tagħha hekk kif kien introdott l-Unjoni Ċivili għal koppji omosesswali wkoll, l-istess Dalli llum qed tħares lejn karriera fl-UE bħala Kummissarju Malti fil-Kummissjoni Ewropea.
Dalli se tibqa’ s-simbolu ta’ passi kbar, li lanqas konna noħolmu li nagħmlu bħala pajjiż sa ftit snin ilu biss. Mill-unjoni ċivili u d-dritt li koppja LGBTIQ tapplika biex tadotta, għal-Liġi tal-identità tal-Ġeneru u t-twaqqif ta’ proċeduri legali kontra Joanne Cassar, mibdijin minn Gvern Nazzjonalista. Mir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta’ Istanbul għaż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.
Imma mhux kulħadd kien kuntent biha. Kien hemm bosta li kienu jarawha bħala parti mill-problema tal-Gvern u bħala Ministru li bdiet tintroduċi liġijiet redikoli, fosthom dik li daħlet fil-kwistjoni tal-fastidju sesswali. Uħud, saħansitra rawha bħala l-persuna li f’isimha, skonthom, iddaħħlu liġijiet li dgħajfu t-tessut soċjali u morali tal-pajjiż.
Imma dawk kollha li gawdew mill-bidliet li seħħew meta hi kienet Ministru x’jaħsbu? Jaħsbu li t-tluq ta’ Dalli, issa l-aħħar mill-“antiki” fil-Kabinett, hija telfa għal pajjiżna jew le? U dawk li qatt ma qablu magħha, x’jidhrilhom?
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ wħud minn dawk il-persuni li kienu b’xi mod jew ieħor milqutin mill-bidliet immexxija minn Dalli u tkellmet ukoll ma’ persuni li opponewha u kkritikawha.
Alex Caruana: persuna trans u attivist għal diversi kawżi
“Fl-opinjoni tiegħi naħseb li hija telfa għax nafu li dejjem sibna appoġġ mingħandha bħala komunità LGBT+. Fejn ma kinitx taf dejjem kienet lesta li titgħallem u bis-saħħa tagħha għandna l-aħjar liġijiet fid-dinja. Nemmen li l-Ministeri l-oħra jaraw lilha bħala eżempju.
Apparti għall-komunità LGBTIQ, tajjeb li niftakru illi ħadmet ukoll għad-drittijiet tan-nisa bl-introduzzjoni tal-morning after pill.
Il-persuna l-ġdida (Zammit Lewis) ma nafux x’se jsarraf, nafu biss li se jkollu jimla spazju kbir. Li huwa raġel ukoll iħallili ftit dubju ta’ kemm se jifhem ċerta problemi li jgħaddu minnhom in-nisa, problemi li għandhom jiġu solvuti kemm jista’ jkun malajr. Però konvint li la qiegħed lilu (il-PM), sinjal li jaf x’għandu jagħmel.”
Colette Farrugia Bennett – attivista LGBTIQ
“Il-kumment tiegħi huwa li Helena Dalli kienet ta’ appoġġ kbir għall-komunità LGBTIQ minħabba l-irwol tagħha bħala Ministru għall-Ugwaljanza u Libertajiet Ċivili. Però kellha wkoll l-appoġġ tal-bqija tal-kabinett u tal-PM.
Għalkemm in-nuqqas tagħha se jinħass, jiena fiduċjuża li l-Ministru Zammit Lewis se jkompli miexi fuq l-istess passi u titkompla l-ħidma lejn ugwaljanza sħiħa għall-komunità LGBTIQ u minoranzi oħrajn.”
Ġino Tanti – eks attivist fil-qasam LGBTIQ u sid ta’ negozju
“Ilbieraħ qrajt xi mkien li din hija telfa għall-Gvern Malti u rebħa għall-UE u min qalha, ma setax qalha aħjar.
Jiena personalment kważi ninsab, b’mod egoist, irrabjat għal din id-deċiżjoni għax Helena biddlet mhux biss liġijiet Maltin imma anke l-mentalità. Mara li minn dejjem emmnet fid-drittijiet indaqs għal persuni LGBTIQ f’Malta. Fejn qabel konna ‘niġġieldu’ għad-drittijiet, issa niftaħru li Malta hija minn ta’ quddiem fejn tidħol ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ.”
Orlando Ellul Micallef - impjegat fis-settur finanzjarju
“Naħseb li sabet irwol aħjar u għandha timxi ’l quddiem. Kienet Ministru li mexxiet ħafna liġijiet u drittijiet LGBTIQ u ta’ dan nirringrazzjaha. Nawguralha wkoll fl-irwol il-ġdid.
Definittivament għamlet iktar għall-komunità LGBTIQ mid-Deputati tal-PN kollha f’daqqa.”
Roderick Azzopardi Custò – xandar
“Ma narahiex li hija xi telfa. Iktar opportunità li permezz tal-isem Helena Dalli, sar ifisser li f’Malta fl-2014 persuna LGBTIQ tħossha daqs ħaddieħor.
Illum grazzi għall-ħidma tagħha pajjiżna jiftaħar li qegħdin l-aqwa fl-Ewropa.”
U dawk li ma jaqblux magħha? X’jaħsbu?
Malcolm Seychell - opinjonista u eks Kandidat ta’ Azzjoni Nazzjonali
Filwaqt li bla dubju wieħed irid jirrikonoxxi li Dalli ġabet bidla kbira fejn tidħol l-ugwaljanza nemmen li llum il-ġurnata Malta mhi se titlef xejn għax sejra taħdem Brussell.
Sfortunatament bħalma jiġri ħafna drabi se tispiċċa l-karriera politika tagħha hawn Malta bħala persuna liberali estrema. Il-poplu Malti fil-maġġoranza tiegħu eduka ruħu u sar jaċċetta, tista’ tgħid kull tip ta’ nies b’orjentazzjoni sesswali differenti.
Imma l-Ministru Dalli spiċċat tant taqa’ fl-estremiżmu li anka riedet li jitwaħħlu tabelli fi ħwienet li jaċċettaw il-persuni LGBTIQ.
F’pajjiżi aktar avvanzati minna dan il-ġenn ilu snin li kien daħal u llum qed jerġa’ jitneħħa għax indunaw li kien żball.
Huma grazzi għal nies bħall-eks Ministru Dalli, li partiti tal-lemin qed jerġgħu jieħdu lura l-gvernijiet fl-Ewropa. Illum bosta nies LGBTIQ, qed jerġgħu jmorru lura lejn partiti tal-lemin għax mhumiex daqstant stupidi li lesti jaċċettaw l-aġenda tal-multikulturaliżmu li l-Ministru tant temmen fiha u li ġabet falliment totali kull fejn ġiet implimentata.
Ċertu kulturi, pereżempju, għadhom jemmnu fil-qtil tal-persuni LGBTIQ. Jiġifieri mingħajr forsi l-eks Ministru Dalli ma rrealizzat, daqskemm għamlet ġid lil din il-komunità qed tispiċċa tagħmel deni.
Ivan Grech Mintoff - Eks Kap tal-Partit Alleanza Bidla u attivist kontra ħafna mill-politika ta’ Dalli
“Persważ li Helena Dalli għandha karatteristiċi u l-kapaċitajiet kollha biex tkun utli bħala Kummissarju Ewropew u qaddejja tal-Parlament Liberali Ewropew.
Min jista’ jinsa dak il-filmat li fih qed tidher tammetti pubblikament li minkejja illi maġġornza tal-Maltin ma ridux ċerta liġi tidħol f’Malta, bil-kapaċitajiet tagħha din il-liġi xorta daħlet billi daħku bin-nies, għax użaw kliem vag biex in-nies ma jindunawx?
Ma ninsewx li bħala Ministru tal-Ugwaljanza hija stess ħarġet kontra minoranza sesswali rikonoxxuta barra minn pajjiżna (f’referenza għall-moviment eks gay). Dan il-grupp wera biċ-ċar li jeżisti f’pajjiżna u qed imur kontra l-aġenda li hija tappoġġja.
Nemmen iva, li Helena Dalli se tħossha ‘at home’ fil-kariga l-ġdida tagħha u jiena nixtiqilha karriera twila ’l bogħod mill-Parlament Malti, fejn irridu nikkoreġu l-iżbalji li saru fis-snin li għaddew.”