Sondaġġ ILLUM | B’tal-linja jaqbillek ... imma inqas minn kwart jużawha
Minkejja ħafna diskors u anke inizjattivi, in-nies għadhom jippreferu u jridu l-karozzi

minn Albert Gauci Cunningham

B’tal-linja jaqbillek konna ngħidu u sa ċerta punt għad hawn min jgħidha wkoll. Fil-verità qatt ma kien hemm messaġġ li ġie injorat daqs dan mill-maġġoranza tal-Maltin. Fil-fatt ftit inqas minn tliet kwarti tal-poplu Malti tal-linja ma jużawhiex, skont sondaġġ xjentifiku li għamlet il-gazzetta ILLUM.
Ir-riżultati huma pjuttost miżeri f’dak li għandu x’jaqsam it-trasport alternattiv u juri kemm fil-fatt il-Maltin għandhom għal qalbhom il-karozzi u għadom iqisuhom bħala l-unika u l-aqwa mezz ta’ trasport. Fil-fatt huma 16.8% biss li jipperferu tal-linja, ikkumparat mat-80% li jippreferu l-karozzi.
Dan is-sondaġġ huwa xi ftit ta’ aħbar ambjentali ħażina hekk kif jidher li għadna wisq ’il bogħod biex nibdew nittamaw illi l-Maltin qed iduru bi ħġarhom għal alternattivi tat-trasport.
Il-gazzetta ILLUM staqsiet: X’inhu l-mezz ta’ trasport li tippreferi tuża?

Il-ġenerazzjoni ta’ bħalissa u ta’ għada l-inqas li jużaw it-trasport pubbliku!
L-agħar riżultat ta’ dan is-sondaġġ, għall-prospetti tat-trasport pubbliku, huwa li l-użu tiegħu bħala t-trasport favorit huwa l-inqas fost dawk li għandhom bejn 18 u 35 sena u allura kif rajna f’paġni 8 u 9, fost dawk li huma aktar konxji tal-bżonn li jkun protett l-ambjent.
Fost din il-ġenerazzjoni huma biss 7.3% li qalu illi jippreferu jużaw it-trasport pubbliku, l-inqas fost l-etajiet kollha imma mhux wisq ’il bogħod minn kemm jippreferu tal-linja dawk li għandhom bejn 35 u 50 sena. Fil-fatt, biex is-sitwazzjoni tkun agħar, fost dawk ta’ mezza età, il-preferenza għall-użu tat-trasport pubbliku titla’ biss għal 9.6%.
Il-ġenerazzjonijiet Maltin li jużaw it-trasport pubbliku huma dawk aktar anzjani, anke jekk il-persentaġġ tal-użu jibqa’ dejjem taħt il-50%.
Huma 18.5% ta’ dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena li jippreferu t-trasport pubbliku u 39% ta’ dawk aktar minn 65 sena li jippreferu t-trasport pubbliku.
Fir-realtà għalkemm ogħla, dawn xorta jibqgħu persentaġġi baxxi kkumparati ma’ kemm parteċipanti tas-sondaġġ jippreferu l-karozza bħala l-mezz tat-trasport li jużaw.

L-Għawdxin jużaw tal-linja aktar mill-Maltin
It-trasport pubbliku huwa iktar popolari f’Għawdex, forsi grazzi għall-fatt li hawnhekk it-traffiku u d-distanzi huma ħafna inqas milli huma f’Malta.
Minn dawk li pparteċipaw, irriżulta li 23.6% tal-Għawdxin jippreferu t-trasport pubbliku, li huwa ħafna iktar mill-medja ta’ Malta f’dan is-sondaġġ: 15.5%.
L-inqas li huwa meqjus bħala mezz ta’ trasport ippreferut, allura probabbilment, l-inqas li jintuża huwa fost in-nies tat-Tramuntana tal-pajjiż bi 8.4%. Dan jista’ jkun frott ta’ distanzi itwal kif ukoll li t-Tramuntana jinkorpora fost l-aktar lokalitajiet iffullati u li minnhom jitilgħu mijiet (jew eluf) ta’ turisti u barranin kuljum.
It-tieni l-inqas li huwa meqjus bħala trasport ippreferut huwa fost dawk li jgħixu fil-Punent tal-pajjiż fejn it-trasport pubbliku huwa preferut minn 9.5% biss ta’ dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ.
Il-persentaġġi huma ftit ogħla fit-Tramuntana tal-Port (18.2%), fix-Xlokk (21.4%) u fin-Nofsinhar tal-Port (20.3%).

Jekk mort l-Università, probabbilment tippreferi l-karozza
U d-differenzi fir-rigward tat-trasport pubbliku ma jiqfux biss mal-ġeografija u l-età iżda wkoll mal-edukazzjoni.
Dan is-sondaġġ jindika ċar illi hemm ċans ikbar li persuna tuża t-trasport pubbliku jekk ikollha livell aktar baxx ta’ edukazzjoni u inqas ċans jekk ħadet edukazzjoni terzjarja.
Fil-fatt, minn dawk li pparteċipaw 34% ta’ dawk li għandhom edukazzjoni primarja jippreferu t-trasport pubbliku filwaqt li huma 7.8% biss ta’ dawk b’edukazzjoni terzjarja li jippreferu t-trasport pubbliku.
Dawk li għandhom edukazzjoni sekondarja u post-sekondarja u li jippreferu tal-linja jitilgħu għal 16% u 17.3% rispettivament.

Il-karozza tibqa’ l-aqwa għażla ta’ ħafna
Il-karozza tibqa’, u bil-kbir, l-aktar mezz ta’ trasport li l-Maltin iħobbu jużaw.
L-inqas grupp ta’ nies li jużaw il-karozza privata huma dawk il-persuni ta’ iktar minn 65 sena hekk kif 58.7% (biss!) jużaw karozza. Dawn huma segwiti minn persuni b’edukazzjoni primarja, fejn xorta dan il-mezz ta’ trasport jintuża minn 65.3%. Dawn iż-żewġ gruppi huma fost it-tlieta l-iktar li jużaw t-trasport pubbliku.
Min-naħa l-oħra dawk li jużaw l-inqas it-trasport pubbliku, jiġifieri persuni b’edukazzjoni terzjarja u dawk bejn 18 u 35 sena, huma l-iktar illi jippreferu l-karozza. Fil-fatt, skont l-istħarriġ ta’ din il-gazzetta, 90.6% ta’ dawk li marru l-università u 90.8% ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 35 sena, jippreferu l-karozza.
L-irġiel jippreferu l-karozza (83%) ftit iktar min-nisa (78.3%), filwaqt li aktar kemm tiżdied l-età, iktar jonqos l-użu tal-karozza. Minn 90.8% fost dawk li għadhom żgħażagħ għal 86.1% fost dawk bejn 35 u 50 sena għal 79.4% fost dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena sa 58.7% fost dawk li għandhom iktar minn 65 sena.
F’Għawdex, it-tielet grupp illi fih jintuża l-aktar it-trasport pubbliku, 66.8% jippreferu l-karozza.

Nimxu? U ma tarax...
Nimxi? U tgħid mhux hekk!
Fil-fatt il-mixi, bħar-rota, huwa fost l-inqas mezzi ta’ trasportazzjoni favoriti.
Il-persentaġġi jaqgħu kollha taħt il-marġini ta’ żball u allura n-numri, għalkemm jeżistu, huma insinifikanti.
F’diversi gruppi lanqas biss kien irreġistrat iktar minn 0% (li jfisser illi n-numri jkunu żgħar ħafna).
L-aktar li kienu rreġistrati persuni li qalu illi l-mixi huwa l-mezz ta’ vvjaġġar favorit kien fost dawk li kellhom edukazzjoni post-sekondarja b’4%
Dan is-sondaġġ sar bejn id-29 ta’ Lulju u t-2 ta’ Awwissu. Ipparteċipaw 549 persuna. Il-marġini ta’ żball huwa ta’ +/-5%


