It-tmiem tal-Gvern Conte ... qabel jirriżenja jiftaħ il-kanuni kontra Salvini
Conte jakkuża lil Salvini li poġġa l-interessi personali tiegħu u tal-partit qabel dawk tal-pajjiż
More in Politika
Conte jakkuża lil Salvini li poġġa l-interessi personali tiegħu u tal-partit qabel dawk tal-pajjiż
Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ħabbar fil-Parlament it-tmiem tal-Gvern li mexxa għal erbatax-il xahar u saħaq li wara li jintemm id-dibattitu Parlamentari se jkun qed jgħaddi r-riżenja tiegħu lill-President Sergio Mattarella.
Għaċ-ċapċip tad-Deputati tal-Movimento Cinque Stelle, il-Prim Ministru Conte ma tantx dam jomgħod il-kliem dwar id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern Matteo Salvini li kien bilqiegħda spalla ma' spalla miegħu.
“Salvini ġab l-interessi personali tiegħu u tal-partit qabel kollox,” saħaq Conte waqt li Salvini bilqiegħda ħdejh beda jkemmex xufftejh.
Huwa saħaq li bl-azzjoni tiegħu, il-partit ta’ Salvini, tappan il-ħidma li wettaq il-Gvern matul erbatax-il xahar.
“Għażiż Ministru għall-Intern, meta kont qed tippromwovi l-kriżi tal-Gvern, kont qed tieħu fuqek responsabbilità kbira,” qal Conte lil Salvini waqt li akkużah ukoll, anke jekk b’mod indirett, bl-użu “bla kuxjenza ta’ simboli reliġjużi.”
Għaċ-ċapċip ta’ diversi Deputati, il-Prim Ministru saħansitra saħaq li jinkwetawh il-kummenti ta’ Salvini fil-pjazez meta talab “poter assolut.”
Minn fejn beda kollox?
Iż-żewġ partiti populisti li ffurmaw il-Gvern Taljan, il-Lega u l-Movimento Cinque Stella, ffurmaw Gvern wara elezzjoni li fiha ħadd ma’ kiseb il-maġġoranza tas-siġġijiet Parlamentari.
Salvini u Di Maio kienu għażlu lil Giuseppe Conte, professur li qatt ma kien fil-politika, biex imexxi l-Gvern.
Iż-żewġ partiti għandhom proposti u anke politika soċjali, ekonomnika u infrastrutturali differenti ħafna minn ta' xulxin.
Din l-aħħar kriżi, fil-fatt, bdiet wara li l-Movimento Cinque Stelle oppona bi kbir il-proposta tal-Lega li jkun hemm ferrovija biex tiffaċilita t-trasport tal-prodotti lejn Franza.
Il-koalizzjoni kompliet tixxaqqaq wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju li għadda meta l-partit ta' Matteo Salvini ħareġ bħala l-aktar wieħed b'saħħtu, ħafna aktar minn dak ta' Di Maio.
Preżentament is-sondaġġi qed ipoġġu lil Salvini fil-vantaġġ, tant li jekk issir elezzjoni, hemm ċans li jkollu biżżejjed siġġijiet biex ikun jista' jiggverna waħdu.