L-ILLUM iċċempel l-ispiżeriji u tistaqsi: 70% jbigħu l-morning after pill
Wara d-diskussjoni li qamet fl-aħħar jiem fuq il-grupp Women for Women, l-ILLUM iċċempel l-ispiżeriji u tistaqsi jekk ibigħux il-Morning After Pill. Ħafna spiżjara jbigħuha iżda mhux bl-addoċċ...
minn Yendrick Cioffi
Minn eżerċizzju li għamlet il-gazzetta ILLUM,jirriżulta li maġġoranza kbira tal-ispiżeriji f’Malta u Għawdex, jew aħjar 70%, qed ibigħu l-morning after pill.
Dan ħareġ wara li l-ILLUM ċempletkampjun ta’ 70 spiżerija, jiġifieri spiżerija f’kull lokalità(fejn hemm) kemm f’Malta u anke f’Għawdex biex tistaqsi direttament lill-ispiżjara dwar il-bejgħ ta’ din il-pillola.
Ċempilna daqslikieku konna klijenti biex nispjegaw lill-ispiżjara li kellna bżonn il-morning after pill u nistaqsu jekk insibux nixtruha jekk immorru dak il-ħin stess għaliha.
Minn 70 spiżjar u spiżjara li tkellimna magħhom, 49 wieġbu li jbigħuha u kienu 21 biss (jiġifieri 30%) li qalulna li ma jbigħux jew inkella ma jistokkjawx il-morning after pill.
Dan jista’ jkisser il-perċezzjoni ta’ xi wħud li ħafna mill-ispiżeriji għadhom qed jirrifjutaw li jbigħu l-morning after pill, tant hu hekk li hemm min qed jipproponi li l-ispiżeriji li jbigħuha jkollhom tabella li tindika li fil-fatt huma jbigħu l-pillola.
X’qalulna l-ispiżjara li tkellimna magħhom?
Il-morning after pill ilha disponibbli f’Malta minn Diċembru tal-2016. Minkejja dan, kif spjegat, ma ssibhiex fl-ispiżeriji kollha u fl-aħħar ġimgħat qamet kontoversja għax ikun hemm spiżjara li jbigħuha biss wara li jistaqsu għadd ta’ mistoqsijiet lill-mara li tmur tixtriha.
Fil-fatt, il-maġġoranza assoluta tal-ispiżjara li tkellimna magħhom u li qalulna li jbigħu l-morning after pill, spjegawlna li t-tfajla li se tmur tixtriha trid tkun lesta li twieġeb ftit tal-mistoqsijiet jew inkellatimla kwestjonarju żgħir.
Kien dan il-punt li fl-aħħar ġimgħat qajjem ftit ta’ diskussjoni, kważi kważi kontroversja, wara li l-grupp ta’ Facebook Women for Women staqsa għalfejn tfajla għandha toqgħod tiġi mistoqsija ħafna mistoqsijiet (aqra aktar ’il quddiem).
Numru inqas ta’ spiżjara, iżda xorta waħda sostanzjali, spjegawlna wkoll li t-tfajla li se tixtri l-morning after pill għandha tieħu magħha l-karta tal-identità.
Fil-fatt, kienet spiżjara waħda biss li qaltlilna li ma hemmx bżonn il-karta tal-identità. “Dan prodott mediċinali. Għalfejn għandi nitolbok il-karta tal-identità?” weġbitna.
Innutajna wkoll li anke jekk ibigħuha, ma jidhirx li l-ispiżeriji jaħżnu ammont kbir minnha.
Fil-fatt, numru sostanzjali ieħor ta’ spiżjara, qabel weġbuna, riedu jiċċekjaw jekk kellhomx. Tant hu hekk li minn dawk il-45 li qalulna li jbigħuha, kien hemm uħud li dakinhar li ċempilna ma kellhomx għall-bejgħ.
Apparti minn hekk, anke jekk hemm tipi differenti ta’ morning after pill, li jkopru perjodi differenti (ara aktar 'il quddiem) mhux l-ispiżeriji kollha jkollhom l-għażla. Fil-fatt minn dawk li jbigħuha, kien hemm uħud li spjegawlna li għandhom minn tip wieħed biss, l-aktar dik li hija effettiva sa 72 siegħa wara li persuna jkollha x’taqsam sesswalment.
Anke jekk 70% tal-ispiżeriji li ċempilna għandhom il-morning after pill, ma jfissirx li jbigħuha fil-ħinijiet kollha. Kien hemm drabi meta weġbuna l-assistenti tal-ispiżjara u qabel tawna risposta kellhom jikkonfermaw mal-ispiżjar jew l-ispiżjara li kienu xogħol jekk ibigħuhiex.
Fil-fatt, l-ispiżjara mhumiex kostretti li jbigħu l-morning after pill.
Intant, ħafna minn dawk l-ispiżjara li ma jbigħux il-morning after pill, tawna lista ta’ spiżeriji oħra fil-viċin tagħhom li jbigħuha. Kien hemm ftit li ma qalulna xejn, minkejja li huma obbligati jagħmlu dan.
Għalfejn reġgħet inqalgħet il-kontroversja?
Id-diskussjoni dwar il-morning after pill reġgħet qamet wara li l-grupp ta’ facebook Women for Women, li għandu ’l fuq minn 30,000 membru, appella lill-ispiżjara biex ikunu aktar sensibbli man-nisa li jkunu jridu jixtru l-pillola.
Anke jekk il-morning after pill tinbiegħ mingħajr riċetta tat-tabib, in-nisa f’dan il-grupp saħqu li xi drabi jħossuhom “iġġudikati” meta jiġu biex jixtruha.
Uħud min-nisa saħansitra akkużaw lill-ispiżjara b’nuqqas ta’ sensittività meta ġew mistoqsija mistoqsijiet personali quddiem klijenti oħra.
Mara partikolari staqsiet għalfejn intalbet il-karta tal-identità u kellha tiżvela l-identità tagħha f’sitwazzjoni li ddeskrivietha bħala sensittiva.
“Nifhem mistoqsijiet dwar meta għamilt is-sess jew jekk għandhiex kundizzjonijiet mediċi, iżda l-mistoqsijiet li ġejt mistoqsija ħassejthom li kienu intiżi biex jiġġudikawni u jġegħluni nistħi,” kitbet waħda min-nisa.
Kien dan li wassal lil Francesca Fenech Conti, l-amministratur ta’ Women for Women, biex tikeb lill-Kamra tal-Ispiżjara u titlob li l-pubbliku jkun infurmat bil-proċedura li għandha tintuża mill-ispiżjara meta jiġu biex ibigħu l-morning after pill.
Fenech Conti saħansitra qalet li ma tarax il-bżonn li n-nisa jkunu mistoqsija mistoqsijiet għax, fi kliemha, kull meta marret tixtri mediċini li jinbiegħu bla riċetta ħadd qatt ma staqsiha xejn.
“Ma niftakarx li ġejt mistoqsija meta l-aħħar kelli wġigħ ta’ ras meta staqsejt għan-Nurofen,” kitbet l-amministratur.
Kif wieġbu l-ispiżjara?
Fit-tweġiba tagħha, il-Kamra tal-Ispiżjara saħqet li l-ispiżerija mhijex ħanut u l-mediċini mhumiex prodotti kummerċjali ordinarji.
Fakkret li l-ispiżerija hija l-post fejn tingħata kura primarja minn professjonisti.
Fil-fatt, il-Kamra tal-Ispiżjara nsistiet li spiżjar huwa fid-dmir li jistaqsi mistoqsijiet, anke meta qed ibigħ mediċina mingħajr il-bżonn ta’ riċetta.
Insistiet li dawn il-mistoqsijiet isiru fl-aqwa interess tal-pazjent u xejn aktar. Spjegat kif ċertu mediċini jirrikjedu mistoqsijiet sempliċi iżda hemm mediċina oħra li dwarha spiżjar ikun irid jagħmel aktar mistoqsijiet biex wara kollox jieħu d-deċiżjoni professjonali.
Kien hawn li fakkret li l-pillola kontraċettiva, jew il-morning after pill hija prodott mediċinali u għalhekk l-ispiżjar bilfors li jrid jistaqsi ċertu mistoqsijiet.
Il-Kamra nsistiet ukoll li hija timxi skont prattiċi professjonali użati fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u anke ħarġet linji gwida għall-membri tagħha, li jgħinu lill-ispiżjara jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet meta jiġu biex ibigħu l-morning after pill, liema linji gwida jinsistu fuq il-kunfidenzjalitàu l-privatezza.
X’jaħseb il-Ministru għas-Saħħa?
Dwar il-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar jiem, il-gazzetta ILLUM tkellmet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Huwa saħaq li l-kwistjonijiet li qamu fl-aħħar jiem, kemm-il darba ġew diskussi mal-Kamra tal-Ispiżjara.
“Hija fil-kompetenza ta’ spiżjar, mhux biss meta qed jagħti l-Morning After Pill, iżda kwalunkwe mediċina, li jara li l-pazjent jew il-klijent qed jużaha b’mod siewi,” saħaq il-Ministru.
Huwa insista li r-relazzjoni professjonali bejn l-ispiżjar u l-klijent jew il-pazjent tibqa’ importanti, għax fi kliemu, wara kollox, l-ewwel interess tal-ispiżjar huwa li jħares l-interess tal-pazjent.
Mistoqsi dwar il-kummenti fuq il-grupp Women for Women, il-Ministru insista li r-relazzjoni ta’ bejn l-ispiżjar u l-pazjent trid tkun waħda kunfidenzjali.
“Ma narax għalfejn għandha ssir quddiem spiżerija mimlija nies,” saħaq il-Ministru. “Naħseb li l-maġġoranza kbira tal-ispiżjara huma konxji minn dan il-fatt.”
Mistoqsi wkoll jekk tagħmilx sens li meta qed ibigħu l-Morning After Pill l-ispiżjara jitolbu l-karta tal-Identità, il-Ministru Fearne saħaq li ħlief minħabba l-kwistjoni tal-età ma jifhimx għalfejn din għandha tintalab.
Il-grupp Women for Women ippropona wkoll li jkun hemm immarkat fuq barra ta’ spiżerija jekk din tkun tbigħ il-morning after pill, biex tonqos l-iskumdità li jkollha tiffaċċja mara meta tidħol tistaqsi għall-pillola fi spiżerija li ma tbigħhiex.
Staqsejna wkoll lill-Ministru dwar din il-proposta iżda dlonk wieġeb li ma jħossx il-ħtieġa għalfejn dan għandu jsir. Tal-istess fehma kienet Mary Anne Sant Fournier, President tal-Kamra tal-Ispiżjara.
Intant, online, wieħed jista’ jsib il-lista ta’ dawk l-ispiżeriji li jbigħu l-Morning After Pill
Ditti stess tal-MAP joffru lill-ispiżjara gwida dwar il-mistoqsijiet li jistaqsu
Anke jekk l-opinjoni, fuq jekk l-ispiżjara għandhomx jistaqsu mistoqsijiet qabel ibigħu l-morning after pill, hija maqsuma, id-ditti stess tal-morning after pill joffru għajnuna lill-ispiżjara biex jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet meta jiġu biex ibigħu l-pillola.
Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM rat kwestjonarju żgħir ħafna li jitqassam lil dawk l-ispiżeriji li jbigħu l-morning after pill Escapelle.
F’dan il-kwestjonarju qasir (ara r-ritratt) il-mara timmarka x’inhi r-raġuni għalfejn trid tixtri l-pillola, jiġifieri jew għax kellha x’taqsam sesswalment mingħajr protezzjoni jew inkella għax falla l-kontraċettiv li ntuża.
Apparti minn hekk, dan il-kwestjonarju jassigura, fost oħrajn li l-mara mhijiex taħt l-età, li l-att sesswali ma seħħx aktar minn 72 siegħa qabel, li l-mara ma tkunx waslet biex ikollha l-menstruwazzjoniu li qed tixtri l-pillola għall-użu personali.
“Anke jekk ċertu mistoqsijiet huma ftit personali u forsi antipatiċi, l-ispiżjara jridu jistaqsuhom biex jassiguraw li l-prodott qed jingħata għal raġunijiet validi, biex ma jkunx hemm abbuż u biex ma ssirx ħsara lil saħħet il-mara,” qaltilna l-ispiżjara li tatna dan il-kwestjonarju qasir.
L-istess kwestjonarju, maħruġ mid-ditta li tipproduċi l-Escapelle stess, joffru wkoll spazju fejn jitniżżlu d-dettalji tal-ispiżjar u l-mara, li tintalab tiffirma wkoll bħala xhieda li l-informazzjoni li tat hija korretta u li l-ispiżjar/a spjegalha/spjegatilha d-dettalji kollha.
X’tipi differenti ta’ MAP jinbiegħu f’Malta?
Fi kliem sempliċi, f’Malta mara tista’ ssib żewġ tiġi ta’ Morning After Pill, jiġifieri pillola li tista’ tittieħed sa ħamest ijiem wara li l-persuna jkollha x’taqsam sesswalment u oħra li tista’ titteħed sa tlett ijiem wara l-att sesswali.
- L-ellaOne hija l-morning after pill li trid tittieħed sa ħamest ijiem wara l-att sesswali. Din tista’ tittieħed fi kwalunke perjodu taċ-ċiklu mestrwali. Tiswa €34.54
- Il-Levonelle hija morning after pill li trid tittieħed mhux aktar tard minn 72 siegħa wara l-att sesswali. L-effett tagħha jkun aktar qawwi fl-ewwel 12-il siegħa wara li persuna jkollha x’taqsam sesswalment. Din ukoll tista’ tittieħed fi kwalunke perjodu taċ-ċiklu mestrwali.Tiswa€18.50
- L-Escapelle, bħal-Levonelle, hija morning after pill oħra li trid tittieħed sa mhux aktar tard minn 72 siegħa wara l-att sesswali. Din ukoll tista’ tittieħed fi kwalunke perjodu taċ-ċiklu mestrwali. Tiswa€17.90
It-tlieta li huma jipprevenu l-ovarji milli jirrilaxxaw il-bajd, jagħmluha aktar diffiċli li l-isperma tippenetra ċ-ċerviċi u tiffertilizza l-bajda u jnaqqsu ċ-ċans milli l-bajda ffertilizzata tiġi impjantata.
L-aktar sintomi negattivi komuni tagħhom jistgħu jinkludu nuqqas ta’ rqad, remettar u diarea. Madanakollu, jistgħu jikkawżaw ukoll għejja, tnixxiegħa ta’ demm qabel il-menstruwazzjoni, uġigħ fid-dar, uġigħ fis-sider, uġigħ ta’ ras u anke sturdament.