Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li meta jħares lejn ir-reazzjonijiet li kellhom in-nies, jirrealizza li qatt ma messu fetaħ il-kumpanija fil-Panama.
Mizzi qal dan meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tal-gazzetta The Times of Malta wara li l-Kummissarju Ewropew Helena Dalli dehret xettika meta kienet mistoqsija mill-Ewroparlamentari dwar dak li għamlu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.
Dalli qalet li kieku hi kienet taġixxi b’mod differenti.
Fil-kummenti tiegħu mat-Times, il-Ministru Mizzi saħaq li issa, li għandu l-lussu li jħares lura, anke hu jaħseb li kien jagħmel l-affarijiet differenti u l-kumpanija ma kienx jiftaħha.
Il-Ministru ċaħad li hu qatt ma refa’ r-responsabbilità politika dwar din il-kwistjoni waqt li fakkar li huwa reġa’ kien ġie elett fl-elezzjoni tal-2017, fejn saħansitra żied il-voti.
Insista li jrid jaħdem biex isaħħaħ il-governanza t-tajba f’Malta u li bil-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni Malta tista' tkun l-ewwel f'dan.