Baġit | Żieda ta' €7 għall-anzjani u titjieb l-għajnuna supplimentari
L-għotja ta' €300 se tingħata wkoll lill-anzjani fid-djar tal-anzjani privati
More in Politika
L-għotja ta' €300 se tingħata wkoll lill-anzjani fid-djar tal-anzjani privati
Mis-sena d-dieħla, il-pensjonanti kollha se jkunu qed jirċievu żieda ta' €3.51 li meta wieħed iżid magħhom iż-żieda tal-għoli tal-ħajja jfisser li b'kollox, il-pensjonijiet se jiżdiedu b'€7.
Dan ifisser li b'kollox, 92,000 pensjonant se jkunu qed jiżdiedu b'€364 fis-sena.
Aktar għajnuna għall-anzjani li jibqgħu jgħixu fi djarhom
Dawk l-anzjani ta' 75 sena jew aktar li jgħixu fi djarhom jew mal-qraba, mill-ġdid se jingħataw l-għotja ta' €300.
Dawk li għandhom 'il fuq minn 80 sena u aktar, mis-sena d-dieħla, l-għotja tagħhom se tiżdidilhom b'€50 għal €350.
Għall-ewwel darba anke l-anzjani fid-djar residenzjali privati se jieħdu t-€300
Għall-ewwel darba wkoll, l-għotja ta' €300 se tingħata wkoll lill-persuni anzjani li minn buthom qed iħallsu biex jgħixu fi djar residenzjali għall-anzjani.
Dawk li għalqu t-80 sena u aktar ukoll se jibbenefikaw miż-żieda ta' €50
Aġġustament biex il-pensjonijiet jibqgħu mhux intaxxati
Biex iż-żieda li qed tingħata fil-pensjonijiet ma tkunx intaxxata għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jgħolli l-massimu ta' dħul mill-pensjonijiet, li mhux se jkun intaxxat. Dan se jitla' għal €13,798.
Għal dawk il-koppji b'pensjoni waħda, l-massimu ta' dħul minn pensjonijiet li mhux se jkun intaxxat se jiżdied b'€2,000 għal €15,798.
Għajnuna supplimentari
L-għajnuna supplimentari titħallas lill-persuni, l-aktar anzjani li għandhom dħul baxx.
Mis-sena d-dieħla, l-għajnuna supplimentari għall-persuni ta' 65 sena u akbar li jkunu f'riskju ta' faqar se tiżdied minn €50 għal €150.
Rata waħda ta' allowance għat-tfal tar-romol
Pensjonanti romol li għandhom tfal taħt it-18-il sena huma intitolati għal allowance fil-ġimgħa ta' €4.54 jekk ikunu jaħdmu u ta' €9.32 jekk ir-romol ma jkunux f'impjieg.
Mis-sena d-dieħla, dawn ser ikollhom allowance ta' €10 fil-ġimgħa sew jekk jaħdmu u anke jekk le.
Pensjoni miżjuda għal dawk fis-servizz jew fis-settur pubbliku li baqgħu jaħdmu
Il-Gvern ħabbar ukoll li impjegati kemm fis-settur privat u dak pubbliku, issa għandhom id-dritt li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni u b'hekk tiżdidilhom ir-rata tal-pensjoni tagħhom skont kemm idumu fl-impjieg qabel jirtiraw.
Din il-miżura tolqot lil dawk li kienu impjegati fis-servizz jew fis-settur pubbliku li meta għalqu l-61 sena, bejn l-2016 u l-2018, għażlu li jkomplu jaħdmu mingħajr ma ħadu l-pensjoni.
Permezz ta' din il-miżura, dan l-impjegati mhux se jitilfu ż-żidiet perċentwali li akkumulaw fl-aħħar snin għax minn Jannar li ġej se jkollhom ir-rata tal-pensjoni tagħhom aġġustata biex tkun tirrifletti ż-żidied.