Baġit | Xi tħabbar dwar il-mina bejn Malta u Għawdex?
Għaddejin il-preparamenti biex il-Gozo Channel tkun tista' toħroġ it-tender għar-raba' vapur
minn Yendrick Cioffi
Fid-diskors tal-Baġit, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna saħaq li matul is-sena d-dieħla se jiġi ppubblikat il-pre-qualification questionnaire għall-mina bejn Malta u Għawdex.
Dan il-kwestjonarju se jkun fih tagħrif tekniku biex investituri/kuntratturi prospettivi jikkonfermaw li għandhom il-ħiliet u l-esperjenza biex iwettqu l-proġett.
Id-dettalji dwar dan għandhom jitħabbru dalwaqt, sostna l-Ministru.
'Gozo Channel tinsab f'pożizzjoni ferm aħjar biex ikollha r-raba' vapur'
Il-Ministru Edward Scicluna tkellem ukoll dwar is-suċċess li għamel ir-raba' vapur li ġie mikri biex jingħaqad mal-flotta tal-Gozo Channel.
Propju għalhekk, li fi kliem il-Ministru, il-Gozo Channel tgħallmet minn din l-esperjenza u issa tinsab f'pożizzjoni ferm aħjar biex tagħmel l-investiment meħtieġ biex ikollha r-raba' vapur.
Huwa qal li bħalissa qed isiru l-preparamenti biex jitfasslu r-rekwiżiti li r-raba' vapur għandu jkollu. Wara dan il-proċess, ikun jista' jibda l-proċess tat-tendering.
Investimenti oħra mill-Gozo Channel
Apparti minn hekk, kompla jispjega l-Ministru, il-Gozo Channel qed tinvesti f'sistema elettronika tal-biljetti.
Dwar is-servizz tal-fast ferry, qal biss li għadu għaddej ix-xogħol biex dan jiġi introdott.
Għawdex: Destinazzjoni għall-konferenzi u inċentivi għan-negozji
Il-Baġit għas-sena d-dieħla se jkun qed jalloka wkoll fondi biex Għawdex ikun ippromovut bħala destinazzjoni għall-konferenzi, għall-laqgħat u attivitajiet oħra.
Apparti minn hekk, il-Gvern se jkun qed jinċentiva lis-settur privat biex tittejjeb l-iStartup tax credit għal negozji ġodda miftuħa f'Għawdex.
Ħabbar ukoll li l-Gvern se jkun qed jagħti inċentivi fiskali, fost l-oħrajn fuq spejjeż ta' traskolar, lil dawk il-kumpaniji li jirrilokaw l-operat tagħhom lejn Għawdex u anke għal dawk il-kumpanij li joħolqu impjiegi ġodda fil-qasam ta' teleworking u back office minn Għawdex.
U għall-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin?
Għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jkun qed jestendi l-pakkett ta' għajnuna offrut għall-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin li jaħdmu u jistudjaw f'Malta.
Il-Ministru Scicluna spjega kif apparti l-benefiċċju għall-kiri ta' akkomodazzjoni, li qed jingħata għall-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw u jgħixu f'Malta, se jkompli jiġi msaħħaħ bil-proġett tal-hostel f'Villa Lauri.
Proġetti oħra f'Għawdex...
- Se jibdew ix-xogħlijiet fuq Triq l-Imġarr, li min-Nadur tibqa' nieżla għall-port u t-triq li mir-Rabat twasslet għall-Marsalforn
- Jitlestew diversi proġetti oħra fosthom iċ-Ċentru l-ġdid tas-Saħħa u Dar San Ġużepp għall-anzjani
- Jibda wkoll ix-xogħol fuq il-proġett ta' Park and Ride li se tkun qed tinbena ħdejn il-korsa tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel
- Jitkompla l-proġett tal-Għajnsielem Hub
- Tlestija ta' Pjazza San Franġisk u l-Pjazza ta Ta' Sannat u jibdew xogħlijiet f'diversi pjazez oħra
- Jitkompla x-xogħol fuq 33 triq arterjali u jibda x-xogħol fuq 11 oħra
- Ikompli x-xogħol biex Għawdex ikollu l-ewwel reverse osmosis
- Ir-restawr ta' Għar Gerduf u tal-Akwedotti