Filmat | 'Jiena mhux imbeżża' ... nitkellem biss quddiem inkjesta maġisterjali

Keith Schembri jisħaq li għandu parir legali u mhu se jgħid xejn aktar dwar 17 Black ħlief quddiem inkjesta maġisterjali

Malli wasal Kastilja, lura mill-Qorti, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri saħaq li se jitkellem biss quddiem inkjesta maġisterjali.

Schembri kien għadu kemm waqqa' l-libell li kien fetaħ kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li kien akkużah li xxaħħam permezz tal-kumpanija 17 Black.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Schembri wieġeb: "jiena mhux imbeżża'... għandi parir legali u dak li għandi ngħid se ngħidu quddiem inkjesta maġisterjali."

Dalgħodu, Schembri għamel minn kollox biex ma jixhidx dwar il-kumpanija 17 Black minkejja l-insistenza tal-Qorti.

Schembri jibqa' jinsisti li l-allegazzjonijiet ta' Busuttil huma malafamanti

Aktar tard, Keith Schembri ħareġ stqarrija b’seba’ punti biex jiċċara dak li fi kliemu huma “rapporti żbaljati u mhux eżatti” minn xi mezzi tax-xandir.

Schembri qed jisħaq li:

  • Il-libell infetaħ fl-1 ta’ April 2016 wara dawk li sejħilhom “allegazzjonijiet malafamanti” li għamel dwaru Simon Busuttil;
  • L-allegazzjonijiet “malafamanti” ma kinux marbuta mal-kumpanija 17 Black u għalhekk, fi kliemu, “il-proċeduri ta’ libell kienu jitrattaw allegazzjonijiet oħra li għamel Busuttil ferm qabel mal-allegazzjonijiet dwar 17 Black ħarġu fil-pubbliku;”
  • F'Ottubru 2017, fl-istess kawża, Busuttil kien irrifjuta li jgħid li hu (Schembri) kien involut f’aġir ħażin ;
  • Fis-seduta ta’ dalgħodu l-Maġistrat Axiaq iddikjara li kien joffri servizz legali lill-Kasco Groupu lid-ditta Nexia BT li huma l-awdituri tal-Kasco Group;
  • Jinsab sorpriż kif Busuttil ma kellux diffikultà fuq dan il-punt u ma talabx għar-rikuża tal-Maġistrat biex il-ġustizzja tidher li qed issir;
  • Il-Maġistrat ċaħad it-talba tar-rikuża u ċaħad t-talbiet li saru biex ma jkunx hemm xhieda li tista’ tippreġudika l-proċeduri li għaddejjin fl-inkjesti Maġisterjali minn Busuttil stess; u
  • Kien minħabba dawn il-punti li kellu jwaqqa’ l-libelli.

Fi kliem Schembri: “ħassejt li fil-proċeduri tal-llum, setgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet fundamentali u Kostituzzjonali tiegħi minħabba li għaddejjin Inkjesti Maġisterjali mitluba mill-istess Simon Busuttil.”

More in Politika