Sadeen b’telf ta’miljuni fl-ewwel tliet snin ... u kwart tal-mira fi studenti
Il-kumpanija li tmexxi l-AUM mhux biss mhix tilħaq il-miri ta’ studenti ġejjin f’pajjiżna talli l-aħħar rekords finanzjarji juru li Sadeen Education qed tagħmel telf ta’ €4.1 miljun
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Grupp Ġordaniż Sadeen Education Investment Ltd, li qed imexxi l-Università Amerikana ta’ Malta kien qed jagħmel telf qawwi ta’ €4.1 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2017 u allura l-aħħar sena finanzjarja li jeżistu rapporti finanzjarji dwarha.
L-‘inkwiet’ finanzjarju tal-Grupp Sadeen iżda huwa ikbar mill-erba’ miljuni li qed jagħmel f’telf għaliex ir-rapporti finanzjarji li rat din il-gazzetta u li jistgħu jitniżżlu mir-reġistru tal-kumpaniji juru illi dan it-telf ilu jikber mis-sena meta l-kumpanija kienet irreġistrata, jiġifieri fl-2014.
Dan ma jawgura tajjeb xejn għall-università li ilha f’nofs kontroversja minħabba illi l-istess Sadeen huma kuntratturi u mhux edukaturi, l-art fiż-Żonqor, il-fatt li l-isem AUM mhux daqstant magħruf u/jew prestiġjuż u fuq kollox il-fatt li l-istess skola għadha ferm u ferm lura milli tilħaq il-miri ta’ studenti li kienet fasslet meta bdiet l-operazzjoni f’Malta.
Fil-fatt mill-madwar 700 student li kellhom jibdew l-iskola fl-AUM rapporti juru li nkitbu u bdew korsijiet f’Ottubru mal-140 student biss, lanqas biss il-kwart tal-mira!
Telf dejjem jiżdied ...
Ir-rapporti finanzjari juru illi fl-2014, u allura meta ġiet irreġistrata l-kumpanija ta’ Sadeen għamlet € 730,414 f’telf, ammont li sploda għal €2,414,464 fl-2015, erba’ darbiet ikbar mid-dejn tal-ewwel sena.
Id-dejn baqa’ jisplodi biex fl-2016 laħaq it-€3,120,550 u reġa’ żdied għal €4,109,832 fl-aħħar sena li dwarha hemm rekords. Il-kumpanija, fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tippubblika r-rekords finanzjarji tal-2018 u allura meta l-kumpanija bdiet l-operat tagħha bl-ewwel gruppi, pjuttost żgħar, ta’ studenti.
Ħarsa lura lejn ir-rapport finanzjarju tal-2015 juri illi t-total tal-obbligazzjonijiet finanzjarji (liabilities) tal-kumpanija kienu €2.1 miljun ikbar mit-total tal-assi.
Dakinhar ir-rapport tal-awdituri kien qal illi l-kumpanija hija pożittiva illi malli jibdew l-operazzjonijiet se jkollha riżultati pożittivi. Ir-rapport jinnota li s-sid benefiċjarju aħħari (ultimate beneficiary owner), li mhux ċar min huwa, qed jagħmel tajjeb għal dan it-telf.
F’kull rapport li rat din il-gazzetta Sadeen tirreaġixxi dejjem l-istess għat-telf dejjem tielgħa.
Fl-aħħar rapport finanzjarju, id-differenza bejn l-assi u l-obbligi splodiet ’il fuq għal €9.3 miljun.
Kollox jiddependi fuq persuna waħda ... is-sid benefiċjarju aħħari
Ħarsa lejn l-aħħar rapport finanzjarju ta’ Sadeen juri kif il-kumpanija li qed tmexxi l-AUM qed tiddependi, kważi kompletament mis-self tal-ultimate beneficiary owner (UBO), li mhux magħruf mal-pubbliku.
Fil-fatt dan qed jislef miljuni lill-kumpanija li tmexxi l-AUM, ftit inqas minn €22 miljun b’kollox. Dan is-self żdied minn €3.5 miljun fl-2016 għal €21.9 miljun fl-2017.
Esperti fil-qasam finanzjarju qalu lil din il-gazzetta illi minkejja li fl-istess rapporti qed jingħad illi l-UBO m’għandu ebda intenzjoni li jinforza lill-kumpanija tħallsu lura dak li sellef, jekk jagħmel dan prattikament tfalli l-kumpanija.
Dan għaliex jekk jiġu llikwidati l-assi kollha, li sal-aħħar rekords juru illi jitilgħu għal €12.5 miljun, dawn xorta ma jkunux biżżejjed biex iħallsu għal dan is-self.
Fi kliem sempliċi jekk l-UBO jinforza l-ħlas tas-self, Sadeen Education Investment Ltd. tfalli.
Żieda qawwija f’pagi
Interessanti l-fatt li l-ispiża tal-pagi rduppjat matul l-2017. Minn €67,932 fl-2016 din l-ispiża telgħet għal €1.2 miljun.
L-istess il-benefiċċji; minn €2,253 għal €27,740
Min huma Sadeen u min hu s-sid?
Sadeen Eduation Investment Ltd hija mmexxija mill-kuntrattur u lukandier Hani Hasan Salah u minn Rakan Hani Hasan Salah, it-tnejn Ġordaniżi.
L-unika shareholder u allura s-sid ta’ din il-kumpanija hija kumpanija oħra, jiġifieri Sadeen Malta Holding Ltd. L-unika shareholder ta’ din il-kumpanija hija kumpanija oħra li jisimha International Educational Services B.V li għandha indirizz Olandiż u li allura isem is-sid, l-ultimate beneficiary owner, ma jidhirx għax hija ġurisprudenza differenti.
Sadeen u l-kontroversja
Sadeen ilhom f’kontroversja minn meta tħabbar il-proġett ta’ kampus tal-Univeristà Amerikana ta’ Malta (AUM) li kienet se tagħti biċċa art kbira u agrikola u b’veduti mill-isbaħ f’Wied il-Għajn lil grupp ta’ kuntratturi Ġordaniżi (Sadeen). L-ewwel li qamu huma l-irwiefen mill-ambjentalisti minħabba l-art li kienet se tinqered. Dan apparti dubji dwar is-serjetà ta’ università li ftit jew ħadd ma kien qatt sema’ biha qabel.
Wara li ntlaħaq qbil dwar il-British Building f’Bormla, beda inkwiet ġdid jiġifieri kemm il-proġett se jkun suċċess.
Mal-ILLUM il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għamilha ċara li dawn m’għandhom jingħataw l-ebda art jew spazju ieħor qabel iwettqu dak li wiegħdu meta ħadu tali artijiet. Dan hekk kif, minkejja l-ftuħ tal-istess università, il-popolazzjoni studenteska għadha ferm ’il bogħod minn dik imwiegħda.
Apparti dan, diversi rapporti fuq ġurnali u siti tal-aħbarijiet lokali rrapportaw dwar skuntentizza kbira fost diversi ħaddiema li wħud minnhom allegaw li l-kumpanija daħket bihom u heddithom b’passi legali jekk jitkellmu.
L-aħħar kontroversja kienet dwar dormitorju li trid tibni l-kumpanija f’Bormla/Isla, dormitorju li apparti illi qed ikun ikkritikat għaliex se jieħu post parkeġġ, qed ikun ikkritikat ukoll għax qed ikun propost meta Sadeen għadhom tant lura milli jattiraw in-numru ta’ studenti li kienu wiegħdu.