Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja f’Malta saħqet li l-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Università Amerikana f’Malta hi ta’ dannu għas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kottonera.
Madanakollu, fi stqarrija ma waqfitx hemm. Tefgħet mhux biss dubju fuq “il-ħtieġa u utilità tal-faċilitajiet,” iżda anke saħqet li l-istess proġett imur kontra l-qafas tal-ippjanar tal-Pjan Lokali tal-Port il-Kbir. Tikkwota lill-pjan lokali u tgħid:
Ġeneralment, bini u strutturi ma jistgħux idallmu jew jiddominaw fuq is-swar. Strutturi “ingumbranti”, li jaqbżu l-għoli tal-bini preżenti, normalment ma jiġux aċċettati. Madankollu f’każijiet speċifiċi, jista’ jkun li jiġu aċċettati minħabba bżonn neċessarju ta’ livell prestiġġjuż u kulturali. Iżda din hi sitwazzjoni li mistennija ssir rarament, jekk mhux xejn.
Saħqet li dan il-proġett propost hu eżempju ċar li l-Ippjanar f’Malta qiegħed fil-periklu li jservi dejjem aktar l-interessi tal-ftit u mhux l-interess pubbliku.
“L-applikazzjoni sabiex jittieħdu wħud mill-ftit spazji miftuħa li hemm fil-qalba tal-Kottonera, sabiex jakkomodaw faċilitajiet għall-AUM, hija eżempju ċar ta’ dawn il-perikli,” saħqet il-KA.
L-istqarrija temmet turi appoġġ mar-residenti tal-Kottonera li qed isemmgħu leħinhom waqt li appellat biex jirrenja s-sens komun u l-ġid komuni.
Id-deċiżjoni dwar dan l-iżvilupp se jittieħed nhar il-Ħamis.
Aqra wkoll: