Yorgen Fenech arrestat waqt li kien ħiereġ b'jott minn Portomaso kmieni dalgħodu
Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black
More in Politika
Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black
Jott, li s-sid tiegħu ma huwa ħadd ħlief Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black, kien interċettat u twaqqaf mill-Forzi Armati ta' Malta huwa u ħiereġ minn Portomaso kmieni dalgħodu.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-5:30am meta Fenech intlemaħ ħiereġ abbord il-jott 'Gio'. Skont rapporti, Fenech ġie arrestat minnufih.
Filmat, meħuda minn Portomaso, juru s-suldati, armati sa snienhom, għassa mad-dgħajsa hekk kif din, fi żmien siegħa minn meta tħarrket minn mal-moll, kellha tirritorna lura.
Għalkemm għalissa għadha ma ġiet stabbilita l-ebda rabta, il-każ seħħ ġurnata wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat iffirma ittra li fiha qed jikkommetti ruħu li jassigura l-maħfra Presidenzjali jekk persuna arrestata, li qed tgħid li taf min hu l-moħħ wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, tikxef l-informazzjoni kollha li taf.
Min hu Yorgen Fenech?
F'Novembru tal-2018, rapport bħala parti minn investigazzjoni bejn Reuters u Times of Malta kienu żvelaw li sid il-kumpanija 17 Black kien Yorgen Fenech.
Fenech huwa Direttur tal-Electrogas, il-kumpanija li bniet u qed tmexxi l-Power Station. Huwa wkoll Direttur ta' Tumas Group.
L-Electrogas tbigħ l-elettriku lill-Enemalta wara li hi tixtri l-LNG mingħand is-Socar, kumpanija tal-Istat Ażeri, li min-naħa tagħha tixtrih bi prezz irħas mingħand kumpanija oħra Shell.
17 Black kif tidħol?
Il-Kumpanija 17 Black, il-Proġett Daphne kien irrefera għaliha bħala waħda mit-“target clients,” biex tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fil-kumpaniji fil-kumpaniji li kienu fetħu u li huma rreġistrati fil-Panama, jiġifieri Hearnville Inc u Tillgate Inc.
Skont imejl miktuba minn Nexia BT u li spiċċat f’idejn il-Proġett Daphne, il-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff u l-Ministru Mizzi, kellhom jiġġeneraw madwar $2 miljun f’sena.
Il-pagamenti, kellhom isiru permezz ta' kontijiet li Schembri u Mizzi ppruvaw jiftħu fil-Bahamas.
Aqra aktar dwar il-kumpanija 17 Black billi tagħfas hawn
F'April tal-2018, rapporti oħra fuq il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung kienu żvelaw li total ta’ €1.3 miljun kienu trasferiti lill-kumpanija 17 Black minn kumpanija oħra fis-Seychelles u li jisimha, Mayor Trans
$200,000 li ntefgħu fil-kumpanija 17 Black waslu minn Orion Engineering, kumpanija li s-sid tagħha huwa Mario Pullicino li huwa l-aġent lokali li qed jissupplixxi l-LNG lill-power station il-ġdida.
$1.4 miljun oħra kellhom jaslu f'17 Black mingħand il-kumpanija Mayor Trans li s-sid tagħha hu mill-Ażerbajġan.
Din l-istorja għadha qed tiżviluppa u se tkun aġġornata b’aktar dettalji.