Filmat | Ħwienet kostretti jagħlqu ... sigurtà stretta fl-inħawi tal-Parlament

Il-protesta tibda fl-4pm u se ssejjaħ għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat

Diversi ħwienet li jinsabu viċin il-binja tal-Parlament kienu kostretti jagħlqu jew inkella se jkollhom l-aċċess tagħhom magħluq hekk kif il-Pulizija ħadet miżuri ta' sigurtà stretta għall-protesta tal-lejla.

Il-protesta tibda fl-4pm u se tkun qed issejjaħ għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li lbieraħ ħabbar li se jkun qed jirriżenja fit-12 ta' Jannar.

Sidien ta' ħwienet li tkellmu mas-sit illum.com.mt qalu li l-Pulizija infurmawhom aktar kmieni illum li se jkollhom l-aċċess tagħhom magħluq minħabba l-protesta.

"Ma qalulnix biex nagħlqu, iżda l-aċċess magħluq se jkun. Qalulna li lanqas ma jistgħu jassigurawlna s-sigurtà," qalilna wieħed mis-sidien.

Tant hu hekk, li dan is-sit jinsab infurmat li ħafna mill-ħwienet diġà għalqu.

Sid ieħor qalilna li jidher li din mhux se tkun l-aħħar protesta u wera t-tħassib tiegħu li jekk se jkollhom l-aċċess magħluq ta' spiss, se jbati n-negozju tagħhom.

Kif jidher fil-filmat, il-Pulizija żiedet ħafna barrieri, tant li l-maġġoranza ta' Pjazza Ħelsien tinsab magħluqa, inkluż il-parti ta' quddiem it-Teatru Rjal.

More in Politika