L-Ewroparlamentari Miriam Dalli għadha kemm iddikjarat li mhux se tikkontesta għall-elezzjoni ta' mexxej ġdid tal-Partit Laburista.
"Nixtieq nirringrazzja lil kull min tagħni l-appoġġ tiegħu u ħeġġiġni biex noħroġ għal din il-kariga. Se nibqa’ naħdem bis-saħħa kollha tiegħi biex fil-Parlament Ewropew inrodd lura l-fiduċja li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin urewni," qalet Dalli f'messaġġ qasir fuq Facebook.
Malli ħarġet l-aħbar li Joseph Muscat se jirriżenja, isem Miriam Dalli beda jidher kullimkien, partikolarment fuq il-midja soċjali.
F'sondaġġ li l-MaltaToday kienet ippubblikat f'Marzu 2018, Miriam Dalli kienet it-tieni l-aktar kandidat favorit wara Robert Abela.
Madanakollu, fl-istess sondaġġ, 62.6% kienu qalu li ma jafux lil min jippreferu biex jieħu post Muscat.