Filmat | Yorgen kien ħiereġ bil-jott ... Schembri jgħidlu: 'taħseb li dan mument opportun?'
Schembri jgħid li ma informax lill-Pulizija ... Jinsisti li ħadd ma kien jaf bil-ħbiberija tiegħu ma' Yorgen Fenech
minn Yendrick Cioffi
L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, dalgħodu fil-Qorti kkonferma li ftit ħin qabel ħareġ bil-jott, Yorgen Fenech tkellem miegħu u staqsih jekk jaħsibx li xi ħadd qiegħed isegwih għax ried imur Sqallija jsewwi l-jott.
Fix-xhieda tiegħu, Schembri qal li wieġeb lil Fenech u staqsih jekk jaħsibx li dan kien mument opportun biex iħalli Malta u dan fid-dawl ta' dak li kien għaddej. Fil-fatt, Schembri kien konxju li dan seta' tefa' dubji serji fuqu.
F'dan iż-żmien, Keith Schembri kien jaf li Fenech huwa suspettat.
Mistoqsi mill-Avukat Marion Camilleri, Keith Schembri qal li ma informax lill-Pulizija dwar dan, fosthom għax lil ħadd ma kien jgħid bil-ħbiberija tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Schembri kien qed jixhed fil-każ Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jallega illi Keith Schembri, deskritt minn Melvin Theuma (l-intermedjarju) bħala ħabib kbir tal-istess Fenech, kien qed jgħaddilu informazzjoni tal-investigazzjoni fil-qtil ta' Caruana Galizia minn dak li kien qed, allegatament, jgħidlu l-Ispettur Keith Arnaud.
Din hija l-ewwel darba li Keith Schembri wieġeb għal dak li ilu jingħad fuqu fil-Qorti u lilhinn fl-aħħar jiem u ġimgħat.
Aqra pass pass dak li seħħ fil-Qorti dalgħodu
'Rabbejt qoxra iebsa matul is-snin'
L-Avukat ta' Yorgen Fenech, Marion Camilleri uriet lil Keith Schembri l-blog ta' Daphne Caruana Galizia li fih tgħid li Schembri kien marid b'marda terminali. "Dejqek dan? X'għidtlu biex jagħmel lil Yorgen Fenech?"
Keith Schembri weġibha li matul is-snin tgħallem irabbi qoxra.
Shembri qal li hu ra biċċiet mir-rapport, skont dak irrapportat fil-midja. "Jiena mhux kapaċi nobgħod u ma nobgħod lil ħadd. Ħassejt li qabżet il-linja għax uliedi bdew jistaqsuni jekk hux se mmut," qal Schembri.
'Qatt ma kelli negozju ma' Yorgen Fenech'
Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech, Schembri qal li hu għandu ħafna ħbieb u Yorgen Fenech kien ħabib tiegħu tant li siefru flimkien diversi drabi.
Qal li qatt ma għamel negozju ma' Yorgen Fenech.
Ma ninsewx li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, liema kumpanija, skont Schembri kienet parti "mill-pjan tiegħu ta' negozju."
Ma jiftakarx kemm-il darba mar fuq il-jott miegħu
Keith Schembri qal li ma jiftakarx kemm-il darba ltaqa' ma' Yorgen Fenech u lanqas kemm-il darba mar miegħu fuq il-jott.
Ma weġibx dwar kemm kienu jikkomunikaw kuljum, b'Keith Schembri jisħaq li jirċievi ħafna messaġġi tant li jiċċarġja l-mobile li erba' darbiet kuljum.
Shembri ma jiftakarx li ltaqa' mat-tabib Vella dakinhar li ġie arrestat Fenech
Mistoqsi mill-Avukat Marion Camilleri, Keith Schembri qal li ma jiftakarx li dakinhar li arrestaw lil Yorgen Fenech iltaqa' mat-tabib Adrian Vella.
Qal biss li Vella kien it-tabib tiegħu. Jgħid li hu jbati ħafna minn Phobia u għalhekk jiltaqa' spiss mat-tabib.
Ikkonferma li darba kien iltaqa' f'Kastilja ma' Melvin Theuma, l-allegat intermedjajru li ngħata l-maħfra Presidenzjali.
'Urewni tliet ittri ... l-ebda waħda ma ktibtha jiena'
Keith Schembri xehed dwar iż-żmien li nżamm taħt arrest. Qal li ntwera tliet ittri u insista li l-ebda waħda ma kitibha hu.
Yorgen Fenech qed jallega li l-ittri waslu mingħand Keith Schembri u fihom kien hemm struzzjonijiet dwar x'għandu jgħid lill-Pulizija.
'La ktibthom, la bgħatthom u lanqas wassalthom jiena," insista Schembri meta l-Avukat staqsietu fuq l-involviment tat-tabib Adrian Vella.
Schembri jisħaq li hu u Chris Cardona kollegi iżda mhux ħbieb
Waħda minn dawn l-ittri ssemmi lill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Fenech qed jisħqu li Schembri talbu biex jitfa' t-tort kollu tal-qtil fuq il-Ministru Chris Cardona.
Skont Fenech, l-ittri waslu għandu meta kien l-isptar u ġabhomlu t-tabib Vella.
'Qatt ma kelli kuntatt mas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà'
Schembri kien mistoqsi dwar l-irwol tiegħu mas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà u insista li ma kellu l-ebda rwol.
Insista li hu qatt ma kellu kuntatt magħħhom.
'Dan ma kienx delitt normali'
Schembri kien mistoqsi dwar il-briefings tal-Pulizija fuq l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u kkonferma li kien ikun preżenti. Qal li kien ikun hemm ukoll il-Prim Ministru u xi drabi l-Avukat Ġenerali u l-Ministru Owen Bonnici.
"Kastilja ma tinvestiga. Bħala OPM aħna ngħinu, eżempju bl-investigaturi barranin, nassiguraw li jkollhom ir-riżorsi kollha. Fi żmien 24 siegħa wara l-qtil għamilt kuntatt mal-ambaxxata biex nara x'għajnuna jistgħu jagħtuna," saħaq Schembri.
Jien ikkuntattjajt lill-Kummissarju dwar l-FBI'
Kompla jgħid li kien hu stess li tkellem direttament mal-Pulizija dwar l-involviment tal-FBI.
"Ikkuntattjajt lill-Kummissarju tal-Pulizija," saħaq Schembri.
Schembri kien jorganizza l-laqgħat f'Kastilja mal-Pulizija
Keith Schembri kkonferma li kien hu li kien jorganizza l-laqgħat f'Kastilja bejn il-Pulizija u l-Prim Ministru dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Qal li kien jikkoordina l-laqgħat mal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta.
Spjega kif meta Valletta ma baqax isegwi l-każ, daħal l-Ispettur Keith Arnaud. Arnaud kien jibgħatlu messaġġ fuq WhatsApp biex jistaqsih jorganizza laqgħa.
Kompla jispjega li kien jitkellem mal-Prim Ministru u jorganizzaw il-laqgħa.
Jinsisti li qatt ma tkellem ma' Fenech dwar l-investigazzjonijiet
Insista li l-Pulizija kienu jitkellmu miegħu biss biex jorganizzaw il-laqgħat u waqt il-briefings kienu jaqsmu l-informazzjoni ma' kull min kien ikun preżenti.
Mistoqsi mill-Avukat Camilleri, Schembri insista li hu qatt ma tkellem ma' Yorgen Fenech dwar dawn il-laqgħat jew x'kien jintqal fihom.
'Ma kontx involut fil-maħfra ta' Melvin Theuma'
L-eks Chief of Staff qal ukoll li hu ma kienx involut fil-maħfra Presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma.
Fi kliemu, id-deċiżjoni kienet tal-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
'Qatt ma kilna l-kirxa flimkien'
Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-Ispettur Keith Arnaud, Schembri qal li sar jafu waqt l-ewwel laqgħa.
Kienu jitkellmu dwar it-tfal iżda fi kliemu "qatt ma kilna l-kirxa flimkien."
Ma jiftakarx minn bagħat lil Melvin għandu ... 'Anke l-Kurja tibgħat nies għandi'
Keith Schembri qal li ma jiftakarx minn bagħat lil Melvin Theuma għandu.
Insista li kien ikollu sitt persuni kuljum li jmorru għandu jistaqsuh għal xogħol.
Fi kliemu, xi drabi jibgħatulu l-Ministri u xi drabi: "anke l-kurja tibgħat in-nies għandi."
'Ipprovajt tgħid lil Yorgen jaħrab minn Għawdex?'
L-Avukat Marion Camilleri kompliet tistaqsih dwar il-ġurnata li fiha ġie arrestat Yorgen Fenech. "Ipprovajt tgħinu jaħrab minn Għawdex?", staqsietu.
"Ma għandi xejn x'naqsam magħha. Ma naf xejn dwarha," wieġeb Schembri.
Jgħid li ma kienx jaf li qed jinterċettaw it-telefonati ta' Fenech
Marion Camilleri staqsietu wkoll jekk kienx jaf li l-mowbajl ta' Fenech kien qed jiġi interċettat.
"Le ... fil-pożizzjoni tiegħi ma nkunx naf din l-informazzjoni," insista Keith Schembri.
Ċaħad ukoll li xi darba ddiskuta dan ma' Keith Arnaud. Insista li din hija kwistjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà u l-Pulizija ma jidħlux fiha.
Schembri jikkonferma li kellem lil Yorgen Fenech ġurnata qabel ħareġ bil-jott
Huwa u jwieġeb aktar mistoqsijiet, Keith Schembri ikkonferma li ftit qabel ħareġ bil-jott Yorgen Fenech tkellem miegħu u staqsieh jekk kienx hemm xi ħadd li qed isegwih.
"Jiena weġibtu le. Qalli li kien se jieħu l-jott Sqallija għal xi tiswijiet. għidtlu: 'taħseb li dan huwa l-aħjar mument li tħalli Malta?" kompla Schembri.
Fil-fatt, fi kliemu stess, Keith Schembri beża' li dan seta' tefa' dubji fuqhom u li pprovaw jgħinuh jaħrab.
Jgħid li kien ilu ġimgħat jaf li Fenech kien suspettat
Filwaqt li qal li għamel madwar 24 minuta jikkomunika miegħu, Schembri kkonferma wkoll li kien jaf li Fenech huwa suspettat.
L-Avukat staqsietu jekk informax lill-Ispettur Arnaud dwar dan. "Le ma ma għidtlux. Naf li tidher li għamilt xi ħaġa ħażina. Imma għamilt dak li kelli nagħmel. Ma għidt lil ħadd bil-ħbiberija tiegħu ma' Yorgen Fenech."