Adrian Delia jħeġġeġ lill-President biex jibda l-proċess sabiex jitkeċċa Joseph Muscat
Jisħaq li lbieraħ fil-Qorti ħareġ ċar li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed ikun investigat b'omiċidju
More in Politika
Jisħaq li lbieraħ fil-Qorti ħareġ ċar li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed ikun investigat b'omiċidju
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħeġġeġ lill-President George Vella, lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u lid-Deputati kollha tal-Gvern biex ineħħu lil Joseph Muscat mill-poter u dan wara li lbieraħ fil-Qorti rriżulta li Keith Schembri qed ikun investigat dwar omiċidju.
Delia saħaq li l-President jista’ juża poter li jagħtih il-Kostituzzjoni u jibda proċess biex Muscat jitkeċċa minnufih u kien hawn li ħeġġeġ lid-Deputati tal-Gvern biex jerfgħu r-responsabbilità u jwarrbu lil Muscat.
Il-Kap Nazzjonalista qal dan wara li lbieraħ, l-Ispettur Keith Arnaud, qal li Keith Schembri qed ikun investigat b’omoċidju, tbagħbis ta’ evidenza u reati oħra.
Qal ukoll li l-Pulizija għadha qed tfittex il-mowbajl li uża biex jikkomunika bih ma’ Yorgen Fenech, għax skont Schembri tilfu.
“Dan ifisser li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed ikun investigat dwar assassinju,” saħaq il-Kap Nazzjonalista.
“Il-Prim Ministru għandu jitlaq issa,” insista Delia.
Ikkwota mill-Kostituzzjoni u insista li l-President jista’ juża Artikolu 85 li jagħtih il-poter li mhux biss jagħżel Prim Ministru iżda anke jneħħi wieħed jekk jibda l-proċess neċessarju.
“Qed nitlob li Artikolu 85 tal-Kostituzzjoni li wkoll jagħmel referenza għall-Artikolu 80 u 81(1), ikun invokat u jidħol fis-seħħ,” insista Delia.
Insista li biex Muscat jitneħħa, Vella ma jistax jaħdem waħdu, iżda d-Deputat Prim Ministru u d-Deputati jridu jkunu lesti li jerfgħu r-responsabbilità immedjatament.