Minn Borg Olivier sa Muscat ... Il-Prim Ministri ta' Malta indipendenti

Seba' Mexxejja. Seba' irġiel. Seba' viżjonijet. Żewġ partiti. Mill-1964 sal-lum ...

 Il-Partit Laburista għandu Mexxej ġdid u llum ikun ħa l-ġurament bħala t-tmien Prim Ministru ta’ Malta mill-indipendenza ’l hawn.

Hija kariga prestiġjuża. Mhux ċajta li tkun kap ta’ Gvern. F’idejk għandek it-tmexxija ta’ pajjiż sħiħ, żgħir kemm hu żgħir jew kbir kemm hu kbir.

Kull Prim Ministru, għamel kemm għamel żmien, ħalla marka fuq il-pajjiż u kull wieħed ikun irid jibqa’ mfakkar fuq xi ħaġa li jkun irnexxielu jikseb fi żmien li dam f’Kastilja. Iżda dan mhux dejjem jistgħu jikkontrollawh. Hemm minnhom li huma mfakkra jew se jibqgħu mfakkra mhux fuq dak li xtaqu jew li jixtiequ.

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tħares lejn il-Prim Ministri li kellha Malta mill-1964 ’l hawn u tagħti rendikont żgħir ta’ dak li wettqu u li dwaru baqgħu mfakkra.

Giorgio Borg Olivier

Ġorġ Borg Olivier. Żgur li ma għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Għan-Nazzjonalisti kien kważi ‘Alla’ kif kien il-Perit Mintoff għal-Laburisti.

Anke jekk l-aħħar snin tiegħu kienu kkaratterizzati minn qasma fil-PN u anke kwistjonijiet personali, huwa jibqa’ meqjus u mfakkar bħala missier Malta indipendenti. Kien jemmen li Malta tista’ tikber ekonomikament u soċjalment bħala stat indipendenti. Introduċa wkoll politika li tħares lejn l-industriji tat-turiżmu u tal-kostruzzjoni bħala essenzjali għat-tkabbir ekonomiku.

Borg Olivier serva darbtejn bħala Prim Ministru ta’ Malta, jiġifieri bejn l-1950 u l-1955 u l-1962 u l-1971.

Fl-1939 huwa kien elett fil-Kunsill tal-Gvern u meta Malta reġa’ kellha l-Gvern tagħha, fl-1947 huwa kien elett fl-Assemblea Leġislattiva u ftit wara Deputat Kap tal-Oppożizzjoni.

Fl-1950 kien il-Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni u anke Ministru għall-Edukazzjoni fil-Gvern Nazzjonalista ta’ Minoranza mmexxi minn Nerik Mizzi. Meta Mizzi miet f’Diċembru tal-1950, Borg Olivier ħa postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Prim Ministru u Ministru għall-Ġustizzja.

Wara l-elezzjoni ġenerali tal-1951, Borg Olivier ifforma Gvern ta’ Koalizzjoni u sar Prim Ministru sakemm tilef fl-1955.

Ma għandniex xi ngħidu. F’dan iż-żmien, Borg Olivier tgħallem juża l-kunflitt bejn il-Partit Laburista u l-Arċisqof Mikiel Gonzi għall-vantaġġ tiegħu.

Fl-1962 Borg Olivier rebaħ l-elezzjoni u apparti li reġa’ sar Prim Ministru żamm il-portafoll ta’ Ministru għall-Ippjanar Ekonomiku u l-Finanzi. Kien f’Ġunju tal-istess sena li għamel talba formali għall-Indipendenza.

Wara sensiela ta’ laqgħat mal-Gvern Ingliż u wara li pprepara Kostituzzjoni għal Malta indipendenti, liema Kostituzzjoni kienet approvata mill-Parlament u minn referendum li sar fi Frar tal-1964, Borg Olivier għażel id-data tal-21 ta’ Settembru bħala Jum l-Indipendenza.

Wara l-kisba tal-Indipendenza bil-Monarkija tibqa’ tirrappreżenta l-Kap tal-Istat, Borg Olivier kien reġa’ rebaħ elezzjoni ġenerali oħra, dik tal-1966.

Iżda fl-elezzjoni tal-1971, Mintoff ħa l-poter f’idejh. Borg Olivier baqa’ fit-tmun iżda reġa’ tilef elezzjoni oħra u ħafna, inkluż fil-Partit Nazzjonalista, partikolarment Deputati, bdew iħarsu lejh bħala kap passiv li ma’ Mintoff ma għandux ċans, iżda hu kien iserraħ fuq il-fatt li mal-attivisti Nazzjonalisti kien għadu b’saħħtu.

Il-qasma fil-Grupp Parlamentari ħarġet aktar fil-beraħ meta l-Prim Ministru Mintoff ried illi jagħmel emendi fil-Kostituzzjoni, inkluż biex Malta ssir Repubblika, b’dawk lealissimi lejn Borg Olivier jgħidu illi din kienet biss mossa biex jitneħħa l-Kap Nazzjonalista.

Kien kważi l-Grupp Parlamentari kollu, ħlief ħames deputati, li ma bediex jaqbel ma’ Borg Olivier. Dawn kienu lesti jinfurmaw lil Borg Olivier illi jekk ma jirreżenjax isibu kap ieħor huma.

Dawn id-deputati kienu lesti li jaqblu mal-Gvern ta’ Mintoff fuq ċerti punti li ried jemenda fil-Kostituzzjoni, anke jekk kontra l-Kap tagħhom stess. Ittieħed vot u minn 27 deputat kienu biss ħuh Paul Borg Olivier, neputih Albert Borg Olivier De Puget, Alex Cachia Zammit, Joseph Cassar Galea u Alfred Bonnici li appoġġjaw lill-Kap tal-PN

Fost dawk li ma vvutawx mal-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni kien hemm George Hyzler, Ugo Mifsud Bonnici, Ċensu Tabone, Eddie Fenech Adami, George Bonello Dupuis u Anton Tabone, ilkoll deputati li saru Ministri taħt Gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Eddie Fenech Adami.

Din kienet l-akbar daqqa ta’ Borg Olivier. Mintoff rebaħ mill-ġdid fl-1976 u Eddie Fenech Adami ħa f’idejh it-tmun tal-PN sena wara.

Borg Olivier miet fid-29 ta’ Ottubru tal-1980.

Il-PM Dom Mintoff
Il-PM Dom Mintoff

Duminku Mintoff

Il-Perit Mintoff. Minn salvatur, għal traditur għat-tgħannieqa mill-ġdid ma’ Joseph Muscat.

Figura kontroversjali. Maħbub minn ħafna u kkritikat minn ħafna. Minkejja dan, jibqa’ wieħed mill-aktar Prim Ministri popolari Maltin.  

Meqjus missier Malta ħielsa u soċjalista li ħadem għall-fqir u l-batut, fosthom bl-introduzzjoni tas-servizzi soċjali bħall-pensjonijiet u ċ-children’s allowance u anke l-edukazzjoni u s-saħħa b’xejn.

Mintoff kien il-Prim Ministru li emenda l-Kostituzzjoni biex minn Monarkija Kostituzzjonali, fl-1974, Malta saret Repubblika.

Wieħed mill-għanijiet primarji ta’ Mintoff, u li kien għamlu mexxej stmat internazzjonalment, kien dak li jassigura l-paċi u l-istabbilità fl-Ewropa u fil-Mediterran.

Is-sovranità ta’ Malta kienet għal qalbu. Huwa niżżel ismu fl-istorja ta’ Malta bħala l-Prim Ministru responsabbli mill-Ħelsien ta’ Malta bħala bażi militari Ingliża fl-1979.

Il-kontroversji ma naqsux, b’mod partikolari fis-snin tmenin meta l-politika ekonomika ta’ Mintoff kienet tfisser nuqqas ta’ importazzjoni biex kollox isir f’Malta u anke n-nuqqas tal-liberalizzazzjoni tas-suq.

Mintoff għamel mill-1949 sal-1988 Mexxej Laburista u serva darbtejn bħala Prim Ministru ta’ Malta jiġifieri bejn l-1955 u l-1958 u mill-ġdid bejn l-1971 u l-1984.

Huwa kkontesta xejn inqas minn tlettax-il elezzjoni bejn l-1947 u l-1998 u dejjem kien elett. Fl-istess sena li tela’ fil-Parlament, Mintoff kien appuntat Deputat Prim Ministru u Ministru għax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni, Ministeru importanti fiż-żmien ta’ wara l-Gwerra.

Il-pożizzjoni b’saħħitha li kellu Mintoff fil-Partit Laburista u anke l-ambizzjoni tiegħu wasslet biex il-Partit Labursta nqasam. Il-Prim Ministru Boffa rriżenja u waqqaf il-Malta Workers’ Party filwaqt li Mintoff biddel il-wiċċ tal-Partit Laburista biex beda jissejjaħ il-Malta Labour Party.

Fi żmien il-ħamsinijiet, ir-relazzjoni ta’ Mintoff mal-Knisja marret mill-ħażin għall-agħar. Dan wassal għall-interdett, bl-MLP jitlef l-elezzjonijiet tal-1962 u l-1966, b’Mintoff jagħmel boycot liċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fl-1964.

Mintoff irritorna fil-Gvern fl-1971 u mill-ġdid fl-1976.

Fl-1981, Mintoff baqa’ fil-Gvern minkejja l-fatt li l-maġġoranza vvotat għall-Partit Nazzjonalista, hekk kif l-MLP xorta eleġġa aktar siġġijiet Parlamentari. Dan wassal għal tensjoni u żmien xejn sabiħ għal Malta.

Mintoff irriżenja minn Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru tal-1984 biex postu jieħdu Karmenu Mifsud Bonnici.

Fl-1998 Mintoff, li żamm postu fil-Parlament bħala backbencher, tellef il-maġġoranza Parlamentari lil Alfred Sant meta vvota kontra l-mozzjoni għall-yacht marina fil-Kottonera.

Karmenu Mifsud Bonnici
Karmenu Mifsud Bonnici

Karmenu Mifsud Bonnici

Karmenu Mifsud Bonnici x’aktarx li huwa l-inqas Prim Ministru popolari li kellha Malta. Sar Prim Ministru fl-1984 meta rreżenja Duminku Mintoff u għamel biss tliet snin fil-kariga għax tilef l-elezzjoni tal-1987.

Kien Mintoff stess li f’Mejju tal-1980 ppropona li Mifsud Bonnici jsir Deputat Prim Ministru responsabbli mill-Affarijiet tal-Partit. Mifsud Bonnici kien responsabbli mill-kampanja elettorali tal-MLP tal-1981.

Fil-15 ta’ Ottubru tal-1982, Mintoff ressaq mozzjoni li ġiet approvata mill-Konferenza Ġenerali u li ddikjarat li Karmenu Mifsud Bonnici kellu jkun is-suċċessur ta’ Mintoff bħala Mexxej Laburista.

Huwa serva wkoll bħala Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali u anke bħala Ministru għall-Edukazzjoni, fejn kien ħa sehem attiv fil-kwistjoni li qamet bejn il-Gvern u l-Knisja dwar l-introduzzjoni tar-riforma għall-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd.

Mifsud Bonnici sar Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru tal-1984 fl-istess ġurnata li rriżenja Mintoff, fi żmien xejn feliċi għall-pajjiż (ara l-informazzjoni dwar Eddie Fenech Adami). Ħafna jqisuh sempliċiment bħala kontinwazzjoni ta’ Mintoff, fil-fatt, Mifsud Bonnici kien saħansitra żamm l-istess Kabinett.

Kien fi żmien Karmenu Mifsud Bonnici li saru r-riformi Kostituzzjonali meħtieġa biex il-partit li jirbaħ il-maġġoranza tal-voti jkollu l-maġġoranza tas-siġġijiet parlamentari biex jiggverna.

Meta hu kien Prim Ministru kien seħħ il-hijack ta’ ajruplan tal-Egypt Air li kien niżel Malta fit-23 ta’ Novembru tal-1985 bil-għan li jingħata l-fjuwil u jkompli bi triqtu. L-awtoritajiet Maltin kienu lesti jagħtu l-fjuwil basta jiġu meħlusa l-passiġġiera. Il-pirati tal-ajru bdew joqtlu passiġġier kull kwarta biex l-awtoritajiet Maltin jagħtuhom dak li riedu.

F’dan il-ħin kien wasal Malta ajruplan bi skwadra speċjali ta’ commandos Eġizzjani. 24 siegħa mill-ħtif, il-commandos Eġizzjani splodew bomba fl-ajruplan mingħajr ma ddiskutew dan mal-awtoritajiet Maltin. F’temp ta’ ftit sekondi s-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar, b’60 ruħ fosthom irġiel, tfal u nisa li tnejn minnhom kienu tqal.

Wara dan il-każ, Mifsud Bonnici kien sejjaħ laqgħa tal-kabinett u informa lill-Gvern li kien lest jirriżenja, iżda kienu kkonvinċewh biex jibqa’.

Meta tilef l-elezzjoni, huwa baqa’ Kap tal-Oppożizzjoni sal-1992, sakemm kien elett Alfred Sant.

Baqa’ fix-xena politika fis-snin ta’ wara u  flimkien ma’ Mintoff kien parteċpi fl-għaqda Front Maltin Inqumu li kkampanjat kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Eddie Fenech Adami

Bħal Duminku Mintoff, Eddie Fenech Adami niżżel ismu bħala wieħed mill-aktar persuni influwenti fl-istorja politika tal-pajjiż. Huwa serva bħala Prim Ministru bejn l-1987 u l-1996 u mill-ġdid bejn l-1998 u l-2004.

Fenech Adami sar Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1977 u beda riforma b’saħħitha fil-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel snin tiegħu ma kienu xejn feliċi. Kien Kap tal-Oppożizzjoni fi żmien ta’ tensjoni politika fil-pajjiż u ħafna għadhom jiftakkru l-attakk fuq id-dar tiegħu f’Ottubru tal-1979.

F’dan il-perjodu l-Partit Nazzjonalista żied fil-popolarità tiegħu tant li kiseb il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni tal-1981 iżda ma ġabx il-maġġoranza tas-siġġijiet Parlamentari. Il-ħames snin li segwew ma kienu sbieħ xejn, b’Fenech Adami jmexxi b’suċċess kampanja ta’ diżubiddjenza ċivili u anke bbojkotja l-Parlament repetutament bejn l-1981 u l-1983.

F’Marzu tal-1983, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Fenech Adami rritornat fil-Parlament biex setgħu jibdew in-negozjati biex issir riforma Kostituzzjonali biex il-partit li jirbaħ il-maġġoranza tal-voti jiggverna.

Iżda t-tensjoni ma naqsitx. Sal-elezzjoni li kien imiss seħħ l-inċident f’Tal-Barrani fejn Fenech Adami kellu jindirizza mass meeting u nqatel Raymond Caruana fil-każin tal-PN fil-Gudja.

Għadu jissemma d-diskors li kien għamel Fenech Adami fil-Parlament meta kien iddikkjara li l-Baġit li l-Gvern kien għadu kemm ressaq kien irrilevanti wara dak li kien qed iseħħ fil-pajjiż, bit-tensjoni fil-Parlament teskala, b’Deputati tal-Gvern, fosthom Wistin Abela u Lorry Sant kważi jħebbu għalih.

B’maġġoranza ta’ 5,000 vot, Fenech Adami rebaħ l-elezzjoni tal-1987.

Fl-ewwel disa’ snin bħala Prim Ministru, Fenech Adami mexxa perjodu b’saħħtu ta’ bidla f’Malta li mmodernizza lill-pajjiż u kabbar ir-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu.

Gvern immexxi minnu biddel l-infrastruttura tal-pajjiż. Biżżejjed insemmu l-bini tal-ajruport il-ġdid, l-impjanti tar-reverse osmosis u l-powerstation. Is-suq kien illiberalizzat u pprivatizza s-servizzi tat-telekommunikazzjoni, dawk bankarji u finanzjarji.

Fis-16 ta’ Lulju tal-1990 beda perjodu ta’ integrazzjoni mal-Unjoni Ewropea bil-għan li Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Meta reġa’ sar Prim Ministru, fl-1998, Fenech Adami kompla bl-applikazzjoni biex Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea u dan wara li l-istess applikazzjoni kienet ġiet iffriżata minn Alfred Sant fi żmien li għamel Prim Ministru.

Huwa reġa’ sar Prim Ministru fl-2003, ftit ġimgħat biss wara li rebaħ ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Fis-16 ta’ April tal-2003, ftit jiem biss wara l-elezzjoni ġenerali, Fenech Adami ffirma t-Trattat għas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, biex hekk Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Bla dubju, din tibqa’ l-akbar kisba li Fenech Adami jibqa’ mfakkar għaliha.

Kien iffaċjat ukoll b’kontroversji. Forsi l-aktar waħda li tibqa’ tissemma tibqa’ l-maħfra presidenzjali li huwa kien irrakkomanda għal Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi.

Fenech Adami kien irrakkomanda din il-maħfra lil Fenech hekk kif hu kien ix-xhud ewlieni fil-każ tal-attentat tal-qtil ta’ Richard Cachia Caruana, dak iż-żmien assistent personali tal-Prim Ministru.

Fl-età ta’ 70, Fenech Adami kien irriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fit-23 ta’ Marzu tal-2004 rriżenja wkoll minn Prim Ministru u minn Deputat Parlamentari. Serva wkoll bħala President ta’ Malta.

Alfred Sant

Alfred Sant. Bla dubju ta’ xejn huwa l-aktar Prim Ministru żvinturat mill-indipendenza ’l hawn. Irnexxielu jirbaħ lil Fenech Adami fl-1996, iżda tilef 22 xahar wara u minkejja li l-Gvern tiegħu wettaq proġetti u investimenti, dan l-avveniment baqa’ jimmarkah.

Il-karriera politika tiegħu bdiet fl-1982 meta kien appuntat Chairperson tal-fergħa tal-Informazzjoni ta-Malta Labour Party, kariga li serva sal-1984 fejn kien elett President tal-Malta Labour Party.

Fl-1987 kien elett Membru Parlamentari u fl-1992 sar Mexxej tal-Malta Labour Party fejn beda proċess ta’ riorganizzazzjoni u mmodernizzar tal-Partit, inkluż fil-mod kif iwassal il-messaġġ tiegħu. Biżżejjed insemmu li kien Alfred Sant li waqqaf l-istazzjon Super One.

Alfred Sant ġab arja friska fil-Partit Laburista tant li dan rebaħ l-elezzjoni tal-1996 u sar Prim Ministru fit-28 ta’ Ottubru.

Waħda mill-wegħdi ewlenin ta’ Alfred Sant kienet dik li jneħħi l-VAT, li kienet ġiet introdotta fl-1995. Sena wara li sar Prim Ministru, biddel il-VAT, mac-CET (Customs and Excise Tax), taxxa oħra simili indiretta.

Sant kien beda numru ta’ proġetti biex tkun riġenerata l-Kottonera u fost dawn il-proġetti kien hemm dak tal-moll tal-Birgu, li tista’ tgħid waqqa’ l-Gvern ta’ Sant wara li Duminku Mintoff ma kienx aċċetta li l-art pubblika tingħata lill-privat.

Nagħmlu pass lura. Meta l-Gvern ressaq it-tieni Baġit tiegħu, ħabbar miżuri li ftit li xejn niżlu tajjeb, fosthom iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, bil-għan li tissolva l-problema tad-dejn fl-Enemalta.

Kien hawn li Mintoff ta l-ewwel daqqa lil Sant, meta fis-7 ta’ Novembru tal-1997 astjena fuq vot finanzjarju dwar il-Baġit. Sant kellu biss maġġoranza ta’ siġġu wieħed, tant li kienet l-Ispeaker li bil-vot tagħha salvat lill-Gvern. Fit-18 ta’ Novembru, Mintoff għamel l-istess.

Sant kien talab vot ta’ sfiduċja fost id-delegati tal-MLP u rebaħ b’99.3%, iżda Mintoff ma waqafx hawn u fil-Parlament kien għamel diskors qawwi li fih attakka lil Sant, il-Baġit, il-valuri tiegħu u aktar.

F’Marzu tal-1998, il-Gvern ma kienx rebaħ vot ta’ fiduċja li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami, bir-raġuni ewlenija kienet it-twaqqif tal-applikazzjoni biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea.

Iżda l-moll tal-Birgu kien id-daqqa fatali tal-Gvern Sant. Il-Gvern ressaq mozzjoni li permezz tagħha kien jagħti b’ċens il-mollijiet, bini u dritt ta’ rmiġġ fil-Birgu u lill-Kottonera Ltd. Mintoff kien oġġezzjona għall-mod kif sar il-kuntratt u vvota kontra l-mozzjoni u allura, mill-ġdid kontra l-Gvern.

Sant tilef il-paċenzja u l-għada niżel il-Birgu għal konferenza li spiċċat mass meeting fejn fil-qalb ta’ Bormla, belt twelid Mintoff u l-belt li kważi kważi tadurah, talbu jirriżenja.

Fl-14 ta’ Ġunju tal-1998, Sant rabat l-istess mozzjoni ma’ vot ta’ fiduċja.

Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava u Sant sejjaħ elezzjoni ġenerali wara biss 22 xahar fil-Gvern u tilifha bi 12,800 vot.

Sant qatt ma reġa’ kien elett Prim Ministru wara l-1996. Huwa kkampanja kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u tilef ir-referendum tal-2003 anke jekk ħareġ jiddikjara li rebaħ il-Partnership.

Tilef ukoll l-elezzjoni tal-2002. Ried jirriżenja iżda saret pressjoni biex jibqa’ sakemm tilef mill-ġdid l-elezzjoni tal-2008 anke jekk b’madwar 1,500 vot.

 

 

Lawence Gonzi
Lawence Gonzi

Lawrence Gonzi

Lawrence Gonzi serva bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-2004 u l-2013.

Lawrence Gonzi, anke jekk bi żbrixx, rebaħ elezzjoni waħda bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri dik tal-2008, iżda tilef kontra Joseph Muscat b’distakk rekord ta’ 36,000 vot.

Huwa jibqa’ mfakkar għal diversi affarijiet, uħud sbieħ u oħrajn inqas.

Gonzi daħħal lil Malta fiż-żona ewro u mexxa tajjeb lill-pajjiż fi żmien ta’ kriżi ekonomika dinjija li rat ekonomiji b’saħħithom jinstabbtu u oħrajn jitqanżħu biex iżommu miexja.

Huwa kien Prim Ministru wkoll fi żmien il-kriżi fil-Libja li rat it-tmiem tal-Kurunell Muammar Ghaddafi. Kien ipproteġa żewġ piloti li ħarbu lejn Malta bl-arjuplani militari wara li kellhom ordni biex imorru jattakkaw ir-ribelli. Fi żmienu, Malta offriet ukoll għajnuna umanitarja u assistenza medika lil-Libja.

Gvern immexxi minnu kien ħadem ukoll biex itejjeb il-kompetittività ta’ Malta fis-suq internazzjonali u ħadem biex Malta tattira setturi ġodda bħall-farmaċewtika u tal-IT waqt li ħadem biex jissaħħaħ is-settur pubbliku.

Iżda mhux kollox kien ward u żahar. L-aħħar snin ta’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru ma kinux sbieħ. Biżżejjed insemmu l-prezzijiet tad-dawl u l-ilma li dwarhom kien kontinwament ikkritikat, l-iskandlu taż-żejt, il-falliment tal-Arriva,il-famuża żieda ta’ €500, l- allegazzjonijiet ta’ tixħim kontra membri tal-Gvern u tgħaqqad kollox l-oppożizzjoni li sab mid-Deputati Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett u dan meta l-Gvern kellu biss maġġoranza ta’ siġġu fil-Parlament.

Minkejja din l-Oppożizzjoni, Gonzi rnexxielu jżomm lill-partit tiegħu fil-Gvern sal-vot dwar il-Baġit, f’Diċembru tal-2012, meta Franco Debono kien ivvota kontra, flimkien mal-Oppożizzjoni.

Lawrence Gonzi kien ikkritikat ukoll bl-aħrax għax wara li l-maġġoranza tal-Maltin ivvotaw favur id-divorzju, hu kien ivvota kontra l-istess liġi fil-Parlament.

Dan kollu wassal biex fl-2013, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi jġarrab telfa elettorali enormi.

Qabel sar Prim Ministri, Lawrence Gonzi serva bħala Speaker bejn l-1988 u l-1996 fejn introduċa bidliet importanti, fosthom it-twaqqif tal-Kumitati Permanenti.

Gonzi kien elett fil-Parlament fl-1996 u sena wara kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-PN.

Wara l-elezzjoni tal-1998 u kien magħżul Ministru għall-Politika Soċjali u serva bħala Deputat Prim Ministru bejn Mejju tal-1994 u Marzu tal-2004 sakemm sar Kap tal-Partit Nazzjonalista u eventwalment ħa l-ġurament bħala Prim Ministru wara r-riżenja ta’ Eddie Fenech Adami.

Apparti li kien Prim Ministru, dak iż-żmien, Lawrence Gonzi kien żamm ukoll il-portafoll tal-Ministru għall-Finanzi sal-elezzjoni tal-2008.

Joseph Muscat

Illum tintemm l-era ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru ta’ Malta.

F’seba’ snin, Joseph Muscat irnexxielu jwettaq ħafna bidliet u kisbiet importanti għall-pajjiż. Żgur li Joseph Muscat irid li jibqa’ mfakkar bħala l-Prim Ministru li fi żmienu l-pajjiż esperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku, irreġistra surplus fil-finanzi pubbliċi u tpoġġa bħala pijunier ta’ drittijiet ċivili, partikolarment fejn tidħol il-komunità LGBTIQ.

Żgur li Joseph Muscat jixtieq li jibqa’ mfakkar ukoll bħala dak li fi żmienu daħħal lill-Partit Laburista fl-aqwa żmien tiegħu, ġibed lejh nies li qatt qabel ma bassru li se jivvotaw Labour u  rebaħ xejn inqas minn għaxar elezzjonijiet b’maġġoranzi rekord u rnexxielu jniżżel lill-Partit Nazzjonalista għarkopptejh, fejn għadu lanqas biss beda jirkupra.

Irnexxielu wkoll iwettaq uħud mill-akbar wegħdi tiegħu li rebbħuh l-elezzjoni, fosthom li jraħħas minnufih il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Iżda jibqa’ l-fatt li dawn is-snin ġew imtappna mill-aħbarijiet tal-aħħar xahrejn. Jgħid x’jgħid Muscat dan żgur mhux it-tluq li kien qiegħed jippjana. Forsi f’għajnejn ħafna, partikolarmant Laburisti, għadu jidher eroj, iżda x’aktarx li jgħaddu s-snin u meta wieħed jisma’ b’isem Joseph Muscat se jiftakar bil-Panama, allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus partikolarment fil-ftehim tal-Electogas u tal-VGH u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, aktar u aktar meta dan tal-aħħar tela’ wkoll it-taraġ ta’ Kastilja u heżżeż lill-Gvern li hu tant kien jiftaħar bih.

Mill-Prim Ministri kollha li rajna f’dan l-artiklu, Joseph Muscat kien l-uniku wieħed li kellu jirriżenja f’nofs leġislatura minħabba skandli u allegazzjonijiet serji fuq l-aktar persuni viċin tiegħu.

Muscat ilu żmien fil-Partit Laburista. Meta kellu biss 21 sena kien innominat bħala Segretarju għall-Edukazzjoni tal-Partit Laburista. Kien ukoll membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit u bejn l-1997 u l-1998 kien membru tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Moralità Fiskali.

Kien ikkontesta b’suċċess l-ewwel Elezzjonijiet Parlamentari Ewropej għal Malta fl-2004, minkejja li dak iż-żmien kien ikkampanja kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Wara li l-Partit Laburista tilef l-elezzjoni tal-2008, huwa ħa post Alfred Sant bħala Mexxej tal-Partit Laburista, f’elezzjoni li fiha tista’ tgħid kaxkar lir-rivali tiegħu George Abela, Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie-Louise Coleiro Preca.

Muscat wassal lill-Partit Laburista għar-rebħa elettorali storika tal-2013 u mill-ġdid dik tal-2017.

 

Minkejja li se jirriżenja minn Prim Ministru, Muscat sa issa ma wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja minn Deputat Parlamentari.

More in Politika