Filmat: Il-President iħabbar li l-Papa Franġisku se jżur Malta u Għawdex fil-31 ta' Mejju

L-Arċisqof iħabbar ukoll il-logo u l-motto: 'Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha'

Fi tmiem il-Pontifikal Solenni fis-solennità tan-Nawfraġju ta' San Pawl, fil-Kolleġġjata Pawlina tal-Belt Valletta, il-President ta' Malta George Vella ħabbar li l-Papa Franġisku se jkun qed jagħmel żjara appostolika f'Malta fil-31 ta' Mejju li ġej.

Il-President qara l-messaġġ li wasal għandu mis-Santa Sede u li fih jingħad li l-Papa Franġisku laqa' l-istedina li għamillu l-istess President.

Id-dettalji tal-programm se jkunu qed jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Madanakollu, fi stqarrija maħruġa ftit wara, l-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta' Għawdex, l-Isqof Mario Grech, ħabbar li l-laqgħa tal-Knisja Għawdxija mal-Papa se ssir quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna ppreżenta lill-President George Vella u lill-Ministru José Herrera, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru, il-logo ta' din iż-żjara.

L-Arċisqof spjega li l-motto intgħażel mill-Atti tal-Appostli: "Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha," jiġifieri l-kliem li permezz tagħhom, San Luqa, jiddeskrivi lill-Maltin.

Ta' min isemmi li dan l-aħħar, il-Papa Franġisku, waqt l-Udjenzi Ġenerali tiegħu u anke waqt l-Għasar Solenni tal-Konverżjoni ta' San Pawl irrifletta fuq dawn il-kelmiet u faħħar l-ospitalità u l-ħniena tal-poplu Malti.

 

More in Politika