Il-PN b'numru ta' proposti biex il-Gvern jgħin lill-Kmamar tal-Aħbarijiet
Il-Gvern għandu jikkontribwixxi lejn is-salarji tal-ġurnalist - jgħid il-PN
minn Albert Gauci Cunningham
Waqt konferenza tal-Aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista l-PN appella biex minnfih il-Gvern jieħu miżuri iżjed konkreti biex jirrikonoxxi lill-Kmamar tal-Aħbarijiet u ġurnalisti kollha "bħala imsieħba ferm importanti fil-ġlieda kontra l-imxija tal-COVID-19 f'pajjiżna." Dan qalitu l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Midja Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien ma' Karl Gouder u David Thake.
Comodini Cachia qal li hawn bżonn tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kmamar tal-Aħbarijiet u l-ġurnalisti kollha sabiex niġġieldu mhux biss il-COVID-19 iżda wkoll l-aħbarijiet foloz u informazzjoni skorretta li qegħda fil-pubbliku speċjalment fuq il-pjattaformi diġitali.
Għalhekk hi pproponiet li:
Nindirizzaw aħbarijiet foloz:
- Jitwaqqaf tim ta' ġurnalisti mill-Kmamar tal-Aħbarijiet indipendenti li l-għan tiegħu huwa li jwettaq fact checking tal-informazzjoni dwar il-COVID-19.
- Proġetti li jiġu varati minn siti diġitali tal-aħbarijiet bil-ħsieb li jqajmu aktar għarfien dwar il-COVID-19.
- Sistema ta' messaġġi (message information system) li biha jistgħu jintbgħatu messaġġi dwar l-żviluppi fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
- Jinċentiva lill-artisti u online influencers sabiex jippromwovu bil-metodi tagħhom informazzjoni korretta fuq pjattaformi digitali.
- Ivara filmati edukattivi mmirati lejn it-tfal u żgħażagħ li għadhom fl-edukazzjoni sabiex iqajjem għarfien dwar kif huma jistgħu jidentifikaw aħbarijiet foloz u informazzjoni skorretta relatata mal-COVID-19.
Insostnu l-impjiegi tal-ġurnalisti u nsaħħu l-Kmamar tal-Aħbarijiet
- Il-Gvern għandu jikkunsidra bis-serjetà l-proposti li sitt kmamar tal-aħbarijiet diġà resqu lil-Prim Ministru fosthom li jingħataw eżenzjoni mit-taxxa jew almenu ikun hemm tnaqqis fit-taxxa, u fi żmien qasir il-Prim Ministru jindika l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan.
- Il-Gvern għandu jikkontribwixxi lejn is-salarji tal-ġurnalisti li xogħolhom f'dawn iz-żminijiet qiegħed jiffoka primarjament fuq il-kriżi bl-imxija tal-COVID-19.
- Jiffaċilità t-twettiq ta' aktar infrastruttura diġitali għal pjattaformi tal-aħbarijiet.
Aċċess għall-informazzjoni fl-iqsar żmien possibli
- Jistabbilixxi mezz ta' komunikazzjoni diġitali bejn l-Awtoritajiet u l-Kmamar tal-Aħbarijiet sabiex ikun hemm punt ta' referenza diretta;
- Jiffinanzja kampanja edukattiva oġġettiva dwar il-COVID-19 fuq il-pjattaformi diġitali tal-aħbarijiet kollha;
- Joħloq database bl-informazzjoni kollha li l-Gvern għandu dwar il-COVID-19 u jagħti lill-ġurnalisti aċċess liberu.
David Thake qal li s-sitwazzjoni tal-Kmamar tal-Aħbarijiet hija waħda partikolari, għaliex bħala kumpaniji raw id-dħul tagħhom letteralment jikkrolla minħabba li jiddependu mir-reklamar u l-klijenti, li huma n-negozji, għaddejjin minn sitwazzjoni ħażina huma wkoll.
Karl Gouder qal li l-aċċess għall-informazzjoni korretta fl-inqas żmien possibbli huwa ferm importanti meta l-imxija tal-COVID-19 qed tbiddel is-soċjetà u l-ekonomija tagħna.