Abela ma' jweġibx fuq kif politku jista' jgħin persuni fit-test tal-karozza

Il-Prim Ministru wieġeb numru ta’ mistoqsijiet fejn fosthom iddefenda lil Ministru Ian Borg u qal li “ix-xogħol ewlieni ta’ politiku huwa li jiggwida lin-nies fil-ħtiġijiet leġġitimi tagħhom”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Ian Borg għamel dak li kien mistenni minnu bħala Ministru meta mistoqsi dwar l-iskandlu tat-testijiet tal-karozza, iżda l-Prim Ministru ma setax jispjega kif politiku jista’ jgħin, fil-parametri tal-liġi, lil xi ħadd li se jagħmel it-test tal-karozza.

Abela qal dan waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijjiet tal-ġurnalisti wara attività tal-General Workers Union fil-Belt Valletta.

Meta mistoqsi fuq kif politiku jista’ “jgħin” lil xi ħadd biex jgħaddi mit-test tal-karozza, Abela wieġeb li “xogħol ewlieni ta’ politiku huwa li jiggwida lin-nies fil-ħtiġijiet leġġitimi tagħhom.”

Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jgħid li “allaħares niefqu ngħinu lin-nies fuq każijiet leġġitimi.”

Rigward  ir-reazzjoni tal-Malta Employers' Association’s fejn qalet li r-reazzjoni tal-Prim Ministru fuq ir-rackett hija “invitazzjoni għal-anarkija”, Abela kellu ftit kliem x’iżid.

It-Tlieta, l-Assoċjazzjoni ta' min Iħaddem qalet li huwa impossibli li wieħed jiġġustifika prattiċi korotti li jitfgħu dubju fuq is-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa fuq it-toroq Maltin. “Dawn l-abbużi qed jgħinu xi persuni minħabba interessi partiġjani b’detriment lejn il-ħajjiet ta’ diversi persuni.”

NGO’s oħra wkoll ikkundannaw l-iskandlu u r-reazzjoni ta' Abela.

Fl-istess ġurnata, l-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni saħqet li s-sewwieqa li għaddew minħabba r-racket għandhom jerġgħu jagħmlu t-test tal-karozza.

Meta mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu għall-istqarrija tal-MEA, Abela wieġeb, “Fejn niġu għall-bżonnijiet leġittimi, se nkompli ngħin ukoll lill-membri tal-MEA.”

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hux se joħroġ apoloġija għall-iskandlu, Abela sempliċiment wieġeb, “Noħroġ apoloġija għax għinna lin-nies fil-bżonnijiet tagħhom?”

More in Politika