Repubblika tgħid li Justin Schembri mhux postu fil-politika wara kumment 'razzist'

NGOs u politikanti jikkundannaw kumment ta' Justin Schembri fejn jgħid li l-Gvern ġab lil Malta 'mimlija ħmieġ, żdingar u Indjani'

Organizzazjonijiet u politikanti kkundanaw il-kumment, deskritt bħala “razzist,” tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Justin Schembri.

“Malta mandra ġabha l-Gvern,” beda’ l-kumment l-MP, “mimlija ħmieġ, żdingar u Indjani. U min jgħid li qed nigdeb, iħares madwaru.”

Il-kumment ta' Schembri
Il-kumment ta' Schembri

Schembri, li hu wkoll l-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni, għamel dan il-kumment fuq artiklu ta’ ONE News.

Tikkumenta dwar dan it-Tlieta filgħodu, l-NGO Repubblika kkundanat l-kumment li fih “niżżel f’lista waħda in-nomi “ħmieġ”, “żdingar” u “Indjani”.

Fi stqarrija, Repubblika qalu li Schembri neżża l-bnedmin mid-dinjità umana tagħhom, u tfagħhom f’kategorija ma’ oġġetti oħra mingħajr ruħ.

“Ebda bniedem m’għandu jitqies “ħmieġ” jew jitqabbel miegħu sempliċiment għax jappartjeni għal xi razza jew xi grupp ta’ bnedmin oħra,” huma qalu.

Insistew ukoll li kummenti “razzisti bħal dawn” mhux ġustifikati u min iħaddnu m’għandhomx post leġittimu fil-politika f’demokrazija.

“Minn individwu privat dan hu kumment injorant, frott il-mibgħeda u l-preġudizzju razzjali. Minn politiku, Deputat Parlamentari, u aspirant ministru tal-edukazzjoni, il-kummenti ta’ Justin Schembri huma theddida espliċita, diskriminatorja u razzista.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza telgħet ritratt tal-kumment ukoll, waqt li tikkundana hi dak li qrat.

F’kumment tagħha, Rebecca Buttigieg qalet li dan il-kumment hu frott il-popoliżmu.

“Din hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal ħaddiema barranin, lanqas biss jarahom bħala bnedmin aħseb u ara kemm se jfasslu politika li tħarishom mill-isfruttar,” hija saħqet.

Fakkret ukoll li propju għada, l-Erbgħa, l-1 ta’ Mejju, Malta tfakkar Jum il-Ħaddiem.

“Ejja niċċelebraw lill-ħaddiema kollha, huma ta' liema ġens huma u d-dinjità li għandu jkollhom,” hija temmet tgħid.

More in Politika