Iċ-chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri preżenta kwerela kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b'akkużi fost l-oħrajn ta' kalunja u ġuramenti foloz.
L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo preżentaw din il-kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija f’isem il-klijent tagħhom Keith Schembri għaliex sostnew li saru numu ta’ reati fosthom fabrikazzjoni ta’ fatti li ma jeżistux, kalunja u ġurament falz meta saru r-rikorsi li ġew ippreżentati mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
L-aħħar rikors tal-Kap tal-Oppożizzjoni kien dak li tressaq fl-14 ta’ Lulju, li fih il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Qorti tal-Maġistrati biex tinfetaħ inkjesta kriminali dwar iċ-Ċhief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi b’rabta mal-ftuħ ta’ kumpanija fil-Panama.
Schembri kien qal li dan ir-rikors huwa legalment mhux sostenibbli għaliex dak li talab huwa diġà mertu tal-inkjesti li nfetħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fuq talba tiegħu stess.
Fi stqarrija, Schembri talab lill-Pulizija tieħu l-pariri li għandha tieħu sabiex tibda tinvestiga lill-Kap tal-Oppożizzjoni, u qal li kif għamel matul il-proċess kollu, se jpoġġi ruħu għad-dispożizzjoni biex jippreżenta l-provi kollha filwaqt li qed jitlob lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex "flok jibqa’ jigdeb fuqu jressaq il-provi li qal li għandu."