Keith Schembri jwaqqa' l-libell dwar 17 Black biex ma jkunx mistoqsi
Schembri kellu jixhed fil-libell kontra Simon Busuttil li kien akkużah li rċieva tixħim permezz ta’ din il-kumpanija f’Dubaj
minn Yendrick Cioffi
Keith Schembri għamel dak kollu possibbli dalgħodu biex ma jixhidx dwar il-kumpanija 17 Black iżda wara li l-Maġistrat ċaħad talba wara l-oħra, l-Avukat Edward Gatt informa lill-Qorti li Schembri se jwaqqa' l-libell li kien fetaħ kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li kien akkużat li rċieva tixħim permezz ta' din il-kumpanija f'Dubaj.
Schembri kien il-Qorti dalgħodu biex jixhed dwar il-kumpanija 17 Black (niżżel 'l isfel għal aktar dettalji), liema kumpanija kellha, allegatament, tintuża biex tgħaddi pagamenti fil-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama.
Tul is-smigħ, Keith Schembri kien determinat li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija, anke biex ma jippreġudikax inkjesti oħra pendenti li fihom, skont l-Avukat Gatt, Schembri għadu ma xehedx.
Meta kien sforzat iwieġeb mill-Maġistrat, Schembri waqqa' l-libell, bl-Avukat Gatt jisħaq d-d-drittijiet fundamentali ta' Schembri kienu qed ikunu ppreġudikati.
Segwi hawn dak li ġara fil-Qorti:
Għaliex Schembri ma riedx li jixhed illum?
Waqt li kkwota deċiżjonijiet oħra tal-qrati, Gatt saħaq li Schembri għandu dritt ma jixhidx ġaladarba hemm proċeduri oħra li għadhom għaddejja. Insista li dan id-dritt huwa ssalvagwardjat ukoll bil-Kostituzzjoni.
Kompla jispjega kif bħalissa qed isiru tliet inkjesti maġisterjali oħra dwar l-istess suġġett u filwaqt li xehed f'xi wħud, hemm oħrajn li fihom l-istess Keith Schembri għadu ma ntalabx jixhed.
Saħaq kif wara kollox kien hu li fetaħ il-każ li dwaru tela' l-Qorti llum u għandu kull intenzjoni li dan ikompli u dwaru tittieħed deċiżjoni.
Simon Busuttil jinsisti li Schembri jixhed
Madanakollu, Peter Fenech, l-Avukat ta' Simon Busuttil insista li dan il-libell ilu tliet snin pendenti.
Saħaq li l-inkjesti maġisterjali huma sigrieti u Busuttil ma għandu l-ebda kontroll fuq ix-xhieda ta' Schembru fl-inkjesti, jew inkella xhieda oħra dwar il-każ.
Il-Maġistrat ma jaċċettax it-talba ta' Keith Schembri
Intant, wara li sema' l-argumenti, il-Maġistrat Victor Axiaq ma aċċettax it-talba ta' Schembri biex ma jixhidx waqt li fakkar li dwar dan kienet saret talba simili u ġiet miċħuda s-sena li għaddiet.
Schembri jibqa' jinsisti...
Iżda l-Avukat Gatt baqa' jinsisti u saħaq li Keith Schembri għandu dritt jappella mid-deċiżjoni tal-Maġistrat.
Saħaq li Keith Schembri għandu jkun liberu li jirrifjuta li jixhed biex jevita l-possibbilità li dak li jgħid jintuża kontrih fl-inkjesti pendenti.
Il-Maġistrat jerġa' jmerih ... iżda Schembri jwebbes rasu
Il-Maġistrat spjega lill-Avukat li l-argumenti dwar l-appell ma jreġux, għax appell jista' jsir biss wara li tittieħed deċiżjoni u jinqata' każ.
Iżda Edward Gatt ma qatax qalbu, anzi informa minnufih lill-Qorti li Schembri se jkun qed jieħu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għax il-Qorti qed tikser id-dritt tiegħu li jżomm is-silenzju.
Wara pawża żgħir, il-Maġistrat iddeċieda li l-każ ikompli.
"Ma rridx meetings politiċi hawn ġew" - Il-Maġistrat
Wara dawn l-iskossi kollha, Keith Schembri jaċċetta li jixhed madanakollu qal lill-Qorti li se jkun qed iwieġeb il-mistoqsijiet mingħajr ma jippreġudika d-drittijiet tiegħu jew proċeduri oħra.
Għandi pariri mill-avukati biex ma nwieġeb l-ebda mistoqsija dwar inkjesti pendenti Keith Schembri
Kien hawn li l-Maġistrat Axiaq wissa lill-partijiet li qegħdin il-Qorti. "Ma rridx meetings politiċi hawn ġew," insista.
Jason Azzopardi jagħmel l-ewwel mistoqsijiet ... Schembri ma jweġibx
L-ewwel li beda jistaqsi lil Keith Schembri kien l-Avukat u d-Deputat Jason Azzopardi li rrefera għal stqarrija uffiċjali tal-Gvern, bl-Avukat tal-Prim Ministru Pawlu Lia mill-ewwel jisħaq li din mhijiex proċedura normali, iżda l-Maġistrat talab lil Azzopardi biex ikompli.
Azzopardi wera l-istqarrija, b'Lia jinsisti li Schembri mhux se jirrispondi mistoqsijiet relatati mal-inkjesta li għaddejin.
Madankollu Azzopardi kompla jistaqsi lil Schembri għalfejn ħareġ dik l-istqarrija (ara aktar 'l isfel) dwar 17 Black. Schembri wieġeb biss: "Għandi pariri mill-avukati biex ma nwieġeb l-ebda mistoqsija marbuta mal-inkjesti pendenti."
Il-Maġistrat jordna lil Schembri biex iwieġeb iżda jibqa' jirrifjuta...
Il-Maġistrat Axiaq ordna lil Schembri biex iwieġeb il-mistoqsija, iżda Keith Schembri determinat baqa' ma weġibx, anke jekk wissieh li jekk mhux se jwieġeb se jispiċċa jiffaċja sanzjonijiet.
L-Avukat Gatt reġa' insista li l-mistoqsijiet li qed isiru jmissu mal-inkjesti pendenti, bi Schembri jibqa' jinsisti li se jżomm mal-pariri li tawh l-avukati.
Kien hawn li wara waqfa qasira, l-Avukat Gatt informa lill-Qorti li Schembri kien qiegħed iwaqqa' l-libell.
Miċħud t-talba ta' Schembri biex il-Maġistrat jirrikuża lilu nnifsu
Aktar qabel, il-Maġistrat li f’idu għandu l-libell li kien fetaħ iċ-Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, ma laqax it-talba li saritlu min-naħa ta' Keith Schembri biex jirrikuża ruħu u ordna li s-smigħ ikompli minnufih.
Fil-bidu tas-smigħ, il-Maġistrat Victor Axiaq qal li ġie avviċinat minn xi ħadd viċin jew Schembri jew Busuttil biex jirrikuża ruħu għax meta kien għadu avukat, kien irrappreżenta lill-kumpanija tal-istess Keith Schembri.
Huwa qal li f'dan l-istadju, jaqbel li jirrikuża lilu nnifsu u talab liż-żewġ partijiet biex jgħidu l-opinjoni tagħhom dwar dan.
Peter Fenech, li qed jassisti lil Simon Busuttil, filwaqt li rringrazzja lill-Maġistrat li qajjem dan il-punt, saħaq li huma ma għandhom l-ebda problema li l-każ ikompli quddiemu.
Madanakollu, l-Avukati ta' Schembri talbu ftit tal-ħin biex jikkonsultaw mal-klijent tagħhom u aktar tard informaw lill-Qorti li jkun aħjar jekk il-Maġistrat jirrikuża ruħu.
Edward Gatt, l-Avukat ta' Schembri, spjega kif meta l-Maġistrat kien għadu Avukat kien irrappreżenta lil Nexia BT, il-konsulenti finanzjarji ta' Schembri. Insista li wħud mill-mistoqsijiet f'dan il-każ jikkonċernaw lill-allegat involviment ta' Nexia BT.
Aktar tard, il-Maġistrat insista li s-servizzi legali li huwa ta lil Kasco Ltd u Nexia BT ngħataw qabel l-2010 u għalhekk, bl-ebda mod ma jirrigwardjaw lil dan il-każ.
Kien għalhekk li ċaħad it-talba biex jirrikuża lilu nnifsu.
X’inhi 17 Black? X’nafu dwarha?
- F’Diċembru tal-2015 – Nexia BT tipprova tiftaħ kontijiet bankarji fil-Bahamas għal Tillgate u Hearnville
- Caruana Galizia tiżvela li Tillgate u Hearnville huma kumpaniji fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri
- Email mibgħuta minn Carl Cini ta' Nexia BT tgħid li dawn il-kumpaniji se jiġġeneraw $2 miljun f’sena
- Dawn il-flus kellhom jaslu mingħand il-kumpaniji 17 Black u Macbridge
- Ftit xhur qabel, 17 Black irċeviet $1.6 miljun
- $200,000 rċeviethom mingħand l-aġent lokali tat-tanker tal-LNG
- $1.4 miljun mingħand il-kumpanija Mayor Trans li s-sid tagħha hu mill-Ażerbajġan
- Fi Frar tal-2016 - jieqfu t-tentattivi biex jinfetħu l-kontijiet – Daphne ssemmi għall-ewwel darba l-kumpaniji
- Ikun żvelat li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech, direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi l-power station.
Keith Schembri kif qed jiċħad?
Keith Schembri joħroġ stqarrija u fiha jikteb hekk:
"17 Black and MacBridge were included in draft business plans for my business group as potential clients. My companies make dozens of business plans such as these. However, it is a fact that neither 17 Black nor MacBridge ever became clients of my business group, and no transactions were ever recorded with these companies, or with me personally. I have no knowledge of the transfers referred to, nor any knowledge of the alleged payment."
Konrad Mizzi jiċħad ukoll...
Meta mistoqsi mill-Proġett Daphne, Konrad Mizzi qal li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-kumpaniji, it-trust u l-kumpanija 17 Black. Kelliem insista ma’ dak li dejjem qal il-Ministru Mizzi, jiġifieri li Hearnville qatt ma kellha kont bankarju u li qatt ma rċeviet flus mingħand ħadd.