L-akkużat tella' żewġ stories qabel l-attakk inkluż wieħed b'sikkina ma' qaddu

Fl-istess ġurnata illi pprova joqtol żewġt ibniet, ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina, Nazzareno Dalli tella’ ritratti fuq il-midja soċjali jgħid li 'min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar' u 'vendetta'

Nazzareno Dalli, magħruf ukoll bħala Ronald
Nazzareno Dalli, magħruf ukoll bħala Ronald

Fl-istess ġurnata illi pprova joqtol żewġt ibniet, ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina, Nazzareno Dalli tella’ ritratti fuq il-midja soċjali jgħid li “min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar” u “vendetta”.

Fil-kontinwazzjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda, kontra Nazzareno Dalli ta’ 43 sena minn Bormla, quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, il-Qorti semgħet lill-Ispettur Wayne Camillieri mill-Iskwadra tal-Omiċidji.

Dalli jinsab mixli li pprova joqtol żewġt ibniet tal-eks sieħba tiegħu b’diversi daqqiet ta’ sikkina nhar id-9 ta’ Marzu li għadda.

Camillieri qal li żewġ stories tal-akkużat fuq il-Facebook tiegħu, juru l-Dalli liebes l-istess ħwejjeġ li ġew elevati minn fuqu wara l-attentat ta’ qtil.

Fuq isfel tal-ewwel ritratt, l-akkużat kiteb,  “Min jidħaq l-aħħar jidħaq l-aħjar”. Ma’ qaddu tidher ukoll sikkina, bl-ispettur jgħid li possibilment hija l-istess waħda li nstabet fuq il-post.

Jirreferi għal ritratt ieħor, l-ispettur qal li Dalli deher bl-istess ħwejjeġ għal darba oħra, imma din id-darba kiteb “Vendetta.”

Iż-żewġ ritratti ttellgħu qabel l-attentat ta’ qtil.

L-ispettur spjega kif wrew lil dalli filmati tal-kameras tal-akkwata, li juru lilu dieħel fir-residenza tal-vittma.

Jikkonferma li hu, l-akkużat qal li ma jiftakarx minn fejn ġab iċ-ċwievet għad-dar, għax lanqas meta kien f’relazzjoni mal-omm il-bniet ma kellu kopja.

L-Ispettur qal li l-mazz taċ-ċwievet baqa’ qatt ma nstab.

Fl-interegazzjonijiet li kellu mal-pulizija, skont l-ispettur, Dalli baqa’ jinsisti li ma jafx x’ġara u lit-tfal tal-eks tiegħu kien iħobbhom daqs li kieku kienu tiegħu.

Ammetta li kkonsma l-kokaina u aktar tard xtara droga oħra li ħallata max-xorb.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella u l-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Id-difiża tmexxiet mill-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Franco Debono, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud. Għall-parte civile qed tidher l-Avukat Roberta Spiteri.

More in Qrati u Pulizija