Identifikati individwi, u kumpaniji bħala suspettati tal-ħasil tal-flus fl-inkjesta tal-Vitals

Diversi persuni u kumpaniji msemmija bħala suspettati ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-inkjesta tal-Vitals

Diversi persuni u kumpaniji ġew identifikati bħala suspettati ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-inkjesta tal-Vitals.

Il-gazzetta MaltaToday qed tirraporta li mistennija tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ diversi individwi u kumpaniji, li aktarx jinkludu lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, lill-eks chief of staff tiegħu Keith Schembri, u lill-eks ministru tas-saħħa Konrad Mizzi.

L-investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus tista' twassal għall-iffriżar tal-assi.

Muscat qal lill-ġurnalisti llum li ma kellu ebda dubju li se jkun fost l-ismijiet akkużati. Huwa saħaq li m'għamel xejn ħażin u se jiġġieled l-akkużi akkost ta' kollox.

Dak li kien irraportat sa issa

It-Tnejn waranofsinhar, l-ILLUM irraportat fuq kif tħassib serju ħakem il-Partit Laburista wara spekulazzjoni fi ħdan iċ-ċrieki legali li l-maġistrat responsabbli mill-inkjesta tal-isptarijiet għaddiet is-sejbiet tagħha lill-Avukat Ġenerali.

Għalkemm il-konferma ġiet it-Tlieta folgħodu, il-Ħadd, il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors lil patitarji u delegati tal-PL, għamel kummenti pjuttost iebsa, bl-osservaturi jinterpretaw kliemu bħala twiddiba lill-ġudikatura.

It-Tnejn filgħaxija, il-gazzetta oħt, MaltaToday, Abela reġa' wissa lill-ġudikatura biex ma tidħolx f’“terroriżmu politiku”.

Kmieni t-tlieta filgħodu, Joseph Muscat flimkien mal-NGO Repubblika, daħlu l-Qorti għas-smigħ ta' seduta li kkonfermat li l-inkjesta tal-Vitals tingħalaq, b'78 kaxxa ta' evidenza f'idejn l-AĠ.

Mat-tokki ta' nofsinhar, it-Tlieta stess, numru ta' reazzjonijiet bdew jidħlu inkluż mill-NGO Repubblika li talbet għall-publikazzjoni sħiħa tal-inkjesta Vitals.

Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għamel konferenza stampa fil-lukanda Excelsior, madwar is-2pm, fejn akkuża numru ta' istituzzjonijiet li qegħdin jaħdmu kontra l-Laburisti.

Ftit qabel, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, indirizza lin-nazzjon. Fi kliem dirett, talab lill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jaġixxu minnufih u mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Il-Prim Ministu, it-Tlieta, irrimarka għal darba oħra d-diżapunt tiegħu li l-proċess verbal tal-inkjesta maġisterjal tal-Vitals sabet it-tmiem tagħha mal-ftuħ tal-kandidatura għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.

More in Qrati u Pulizija