L-attivista fil-qasam tad-drittijiet ċivili u l-koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM) Gabi Calleja għadha kemm inħatret bħala ċ-Chairperson il-ġdida tal-Kunsill Konsultattiv LGBTI minflok Cyrus Engerer li rriżenja minħabba l-impenji ta’ xogħol tiegħu fi Brussell.
Engerer fisser kif f’temp ta’ anqas minn sentejn ta’ ħidma, il-Kunsill Konsultattiv għamel kisbiet bla preċedent f’pajjiżna għad-drittijiet ta’ persuni LGBTI u żied li għad hemm aktar xi jsir biex nassiguraw li legalment f’pajjiżna niksbu l-ugwaljanza għal persuni LGBTI.
Matul l-2014, il-Kunsill Konsultattiv LGBTI li hu ffurmat minn diversi NGOs li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ċivili, kien strumentali biex f’pajjiżna setgħet tiddaħħal il-liġi tal-unjoni ċivili.
Fl-aħħar xhur, dan il-Kunsill ħadem ukoll fuq abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess li tiegħu kien hemm l-ewwel qari fil-Parlament.
Is-sena 2015 se tkun waħda ta’ sfidi fil-qasam tad-drittijiet ċivili fejn anke mistennija tibda konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-koabitazzjoni.