Palazz Castellania
Minn Qorti tal-Kavallieri, sal-Ministeru tas-Saħħa
minn Christa Boffa
Il-Qorti fil-Belt Valletta kellha tiddeċiedi jekk Rosa Mifsud ta’ 17-il sena u li trabbiet bħala tifla, kinitx fil-fatt tifla u mhux tifel. Ġew maħtura żewġ esperti mediċi li stabilixxew li fil-fatt, is-sess ta’ Rosa kien dak maskili, u din ġiet ordnata mill-Qorti sabiex minn dak il-mument ’il quddiem tibda tilbes ħwejjeġ tal-irġiel, u biex qatt ma terġa’ tidher fil-pubbliku fi ħwejjeġ tan-nisa. Dan il-każ, minkejja n-natura tiegħu, jmur lura għall-1774, u l-Qorti in kwistjoni mhix dik li drajna naraw lil dak u lill-oħra ħerġin minnu fuq it-TV, iżda dak li kien iservi bħala Qorti f’dak iż-żmien kien iservi bħala Qorti tal-Liġi, u li issa jservi bħala s-sede tal-Ministeru tas-Saħħa – Il-Palazz Castellania.
Il-Magna Curia Castellania Melitensis kien wieħed mit-tribunali l-antiki tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta – li ddaħħal f’Malta mill-ewwel Gran Mastru meta dawn ħakmu lill-Malta, fejn għall-ewwel is-sede kienet tinstab fil-Birgu. Eventwalment, mal-bini tal-Belt Valletta, is-sede mxiet fil-Palazz Castellania, fis-sena 1572.
Il-Castellano u l-imħallfin, u l-bqija
Il-Qorti kienet tkun magħmula mill-Castellano, jew Preside, kif ukoll żewġ imħallfa, fejn wieħed kien jieħu ħsieb libelli ċivili u l-ieħor każijiet kriminali. Kollox kien isir skont il-qafas legali Sqalli. Il-Castellano kien dejjem ikun kavallier mill-Ordni, u kien jiġi maħtur kull sentejn mill-Gran Mastru u l-Kunsill Sagru. Il-Castellano kien igawdi prestiġju kbir, fejn kuldarba li kien jgħaddi mit-triq kien ikollu persuna timxi warajh b’virga biex turi l-prestiġju tiegħu.
L-imħallfin min-naħa tagħhom, fost ir-responsabilitajiet tagħhom kien hemm ukoll sabiex tagħmel stħarriġ fuq l-applikazzjonijiet għall-permessi tan-negozji, kif ukoll, sal-1634, il-ħruġ ta’ permessi sabiex persuna tkun tista’ tipprattika l-mediċina. Interessanti kif dak iż-zmien biex tkun kirurgu ma kienx ikollok bżonn ta’ grad akkademiku, imma ridt tiġi eżaminat u approvat mill-awtoritajiet tas-Santa Infermerija.
L-istess awtoritajiet kienu responsabbli sabiex jiddeċiedu liema ħabsin ma setgħux fizikament jibqgħu jiskontaw il-piena bħala lsiera fix-xwieni minħabba l-età tagħhom jew minħabba xi diżabilità. Kienu responsabbli wkoll biex jaraw liema barranin setgħu jingħataw iċ-ċittadinanza ta’ Malta jew le.
Kien hemm ukoll il-Cancelliere, li kien il-persuna responsabbli milli jirċevi u jippreserva l-atti ġudizzjarji, li jirreġistra s-sentenzi tal-imħallfa, u sabiex iservi ta’ superviżur għall-ħaddiema l-oħra tal-qorti.
Fl-istess qorti kien hemm ukoll dak responsabbli mill-arkivji, avukat tal-fqar, u uffiċjal apposta sabiex jara li l-proġunieri kienu qed jiġu trattati b’umanità u ġustizzja. Kien hemm ukoll il-Gran Visconte, u dawk magħrufa bħala Capitani di notte li kienu jimplimentaw is-sentenza tal-imħallfa. Il-ħabs li jinstab taħt il-Castellania kienu jieħdu ħsiebu l-carceriere u sotto-carceriere.
Ara ġejja l-mewt għalik…
Minkejja li llum it-tortura titqies bħala xi ħaġa taż-żmien li għadda, din kienet realtà sa mitejn sena ilu. F’Malta, qabel ma persuna kienet tintbagħat għat-tortura, il-qorti kemm tal-inkwiżizzjoni, kif ukoll dik sekulari, kienet titlob parir ta’ tabib biex tara li l-persuna in kwistjoni hija fiżikament f’saħħitha.
F’Malta it-tortura kienet tintuża sabiex tinkiseb informazzjoni dwar xi kompliċi, u qabel ma ssir kien ikollu jingħata permess mill-Gran Mastru. It-tortura kienet issir permezz tal-cavalletto jew tal-corda. Il-cavalletto kienet tortura li permezz tagħha l-persuna kienet titpoġġa fuq speċi ta’ żiemel tal-injam bid-dahar jasal għall-ponta, u fl-istess waqt ikollu xi forma ta’ piż tqil marbuta ma’ saqajh, u din it-tortura kienet iddum għaddejja sa 12-il siegħa.
Il-corda kienet mezz ta’ tortura aktar aħrax, fejn il-persuna kienu jorbtulu idejh wara dahru, fejn imbagħad kien jitella’ f’għoli partikolari, bħabel marbut m’idejh, imbagħad jitwaqqa’ ftit ftit f’daqqa għal darba, darbtejn jew tlet darbiet. Il-ħasda xi drabi kienet twassal għad-diżlokazzjoni ta’ spallejh, u kienet iddum għal aktar minn siegħa mingħajr waqfien.
Xi drabi ż-żewġ metodi ta’ tortura kienu jintużaw f’daqqa, bħal per eżempju f’Settembru tal-1760 meta lsir ġie akkużat bi qtil volontarju, u kien suġġett għal tortura tal-corda, cavalletto, imbaghad cavalletto wkoll, għal jumejn sħaħ biex iġiegħluh jammetti li kien ħati.
Stejjer tat-tkexkix
Ma jistax jonqos li f’dan il-kuntest ikun hemm ħafna stejjer tat-tkexkix li jibqgħu jissemmew. Wieħed mill-imħallfin tal-Qorti tal-Appell li jibqa’ jissemma huwa Dr Giulio Cumbo, li kien magħruf għal kemm ma kienx jibża’ jagħti t-tortura tal-corda jew tal-cavalletto – b’dan tal-aħħar tant ikun assoċjat miegħu li sar magħruf bħala il cavallo di Cumbo. Dan baqa’ magħruf ukoll għal kemm kien ikun żvelt biex jagħti l-piena kapitali, fejn imbagħad kien jordna li ġisem il-ħati jitqatta’ biċċiet wara li jkun maqtul, ħalli jkun jista’ jbeżża’ lin-nies u jservi ta’ deterrent għal min imur kontra l-liġi.
Fost il-pieni li setgħet tgħaddi l-Qorti Kriminali ta’ Castellania kien hemm dik fejn il-ħati kien jitpoġga bilqegħda fuq ħmar, fejn imbagħad issir speċi ta’ purċissjoni bih mill-Qorti madwar it-toroq tal-Belt Valletta waqt li jiġi msawwat. Aktar tard tul l-istorja din il-prassi tneħħiet, minħabba li il-Gran Mastru Ximenes de Texada qal li kienet tal-mistħija li mill-istess bini li toħroġ minnha ħmara li fuqha jkun hemm ħati qed jissawwat bi frosta, joħroġ ukoll is-Sagrament iImqaddes għal purċissjoni li kienet tgħaddi minn Triq il-Merkanti.
Il-Gran Mastru kellu s-setgħa li jmur kontra d-deċiżjoni tal-Qorti. Kien hemm xi eżempji ta’ interferenza awtokratika fil-proċess tal-liġi kien fl-1775 waqt it-tmexxija ta’ Ximenes. Fit-8 ta’ Settembru ta’ dik is-sena seħħet ir-Ribelljoni tal-Qassisin – li ssemmiet hekk proprju għaliex bosta minn dawk involuti kienu qassisin, u kienu mmexxija wkoll mill-qassis Gaetano Mannarino. Huma bdew jitolbu t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħobż. Din ir-ribelljoni falliet, u l-imħuħ warajha, fosthom Pasquale Balzan, Michele Tonna u Claudio Satariano li ġew arrestati, ittorturati, u mingħajr ma dehru quddiem il-qorti, ingħataw il-piena kapitali. Wara li ġew mgħallqa, inqatgħetilhom rashom, li twaħħlu ma’ lasta twila u ġew impoġġija fil-Kavallier ta’ San Ġakbu fil-Belt Valletta sabiex iservu ta’ deterrent għal ħaddieħor. It-tgħalliq, kif ukoll il-qtugħ tal-irjus saru fil-Castellano, b’ordni tal-Gran Mastru, fejn is-sentenza tal-mewt kellha l-firma tal-Castellano biss hekk kif l-imħallfa kienu rrifjutaw li jiffirmaw.
Barra mill-qrati, Castellania kien ukoll il-post fejn kienet iżżomm is-suspettati, kif ukoll dawk misjuba ħatja, kienu jinżammu arrestati. Kienu jinżammu wkoll nies li kienu jafu xi flus lil ħaddieħor. Eżempji ta’ dawn tal-aħħar kienu każijiet bħal dak li ġara f’Lulju tal-1722, fejn raġel li nżamm fil-ħabs ta’ Castellania minħabba li kien jaf 75 skud lill-Gvern, ma setax iħallashom lura, minħabba li kien magħruf “għall-faqar tiegħu u għall-piż li kien iġorr minħabba li kellu tnax-il tifel u tifla.” Hu talab biex jinħeles sabiex ikun jista’ jibda jaħdem għal dawn il-flus li kien jaf. It-talba tiegħu ġiet milqugħa.
Il-piena tal-mewt ma kinitx issir kif ġieb u leħaq – il-priġunier kien jgħaddi tlitt ijiem ta’ tħejjija reliġjuża fil-kappella li tinstab fil-palazz stess. Fl-aħħar ta’ dan il-perjodu kien imbagħad jittieħed bi speċi ta’ purċissjoni ’l barra mill-Belt, għall-ħoss tal-qniepen tal-ħabs. Il-purċissjoni kienet titmexxa mill-Gran Visconte, segwit mill-Fratellanza dei Rozarianti. Warajhom kien ikun hemm il-priġunier li kien ikun akkumpanjat mill-isbirri – l-ekwivalent tal-pulizija, u warajh il-bojja. Din l-ispeċi ta’ defile kienet imbagħad tispiċċa f’Bieb il-Belt, magħrufa dak iż-żmien bħala Porta Reale, f’post imsejjaħ is-Sur tat-Tre Punte – minn fejn illum wieħed jista’ jara Triq l-Assedju l-Kbir. Hawn il-priġunier kien jitgħallaq, imbagħad jindifen.
Sas-Seklu 19 il-piena kapitali kienet tiġi kkunsidrata biss f’każ ta’ qtil – iżda hemm xi każijiet fejn din ingħatat għal offiżi anqas serji. Pereżempju, fl-1832 din ingħatat għal każ ta’ serq minn ħanut fil-Belt Valletta – fejn il-ħalliel kien seraq 17-il maktur u 170 skud mill-istess ħanut. Iżda dan il-każ partikolari kien ingħata l-maħfra mill-Gvernatur Brittaniku wara petizzjoni li saret għall-klemenza minn sid il-ħanut u mill-ġuri.
Sal-aħħar tas-seklu 18, l-Ordni ta’ San Ġwann bdiet tiddgħajjef, u fl-istess waqt, il-Mediterran kien sar donnu logħba bejn il-Franċiżi u l-Gran Brittanja sabiex jaraw min jista’ jaħkem l-iżjed artijiet. Malta reġgħet spiċċat f’punt kruċjali bejn iż-żewġ saħħiet navali. Fl-1798 Napuljun ħa l-ħakma tal-Gżejjer Maltin, u keċċa lill-Ordni ta’ San Ġwann.
L-okkupazzjoni Franċiża f’Malta, minkejja li kienet waħda qasira, kienet waħda li biddlet xi ftit l-affarijiet ukoll. L-influwenza tas-sistema legali Franċiża fisser li l-Castellano ma baqax jeżisti, u li l-imħallfa kienu issa nnominati mill-Kummissjoni tal-Gvern, li kien responsabbli għall-amministrazzjoni tal-gżira. Fost l-oħrajn, l-isem tal-Castellania nbidel għal Palais de Justice. Bidliet oħrajn, ma jistax jonqos min-naħa tal-Franċiżi, kien li nbidlu wkoll il-ħwejjeġ li kienu jilbsu l-imħallfin u l-uffiċjali l-oħrajn tal-Palais.
Iżda sa Settembru tal-1798 il-Maltin ma kienu sodisfatti xejn bil-ħakkiema tagħhom, u rribellaw kontriehom. Wara assedju ta’ sentejn, kienet il-Gran Brittanja li ħadet lil Malta taħt idejha, u b’hekk beda kapitlu ieħor fl-istorja ta’ Malta.
Wieħed mill-ewwel priġunieri li nżamm taħt arrest fil-ħabs ta’ Castellania fi żmien l-Ingliżi f’Malta kien Mikiel Anton Vassalli – minħabba raġunijiet politiċi. Vassalli kien magħruf għall-ideat liberali li kellu, ħaġa li kiseb meta kien qed jistudja Ruma. Barra minn hekk, kienet l-affinità li kellu mal-Franċiżi li kienet ġabitu fl-inkwiet taħt il-Kavallieri f’Malta. Ftit tal-inkwiet u snin wara, hu ġie lura Malta. Meta l-Franċiżi telqu minn Malta, hu reġa’ ġie fl-inkwiet minħabba din l-affinità li kellu magħhom, u ġie ssentenzjat għall-eżilju mill-gżira minħabba li kien parti minn partit Franċiż. Minħabba li ma kienx hemm bastiment lest biex jiġi eżiljat fuqu, hu ntbagħat il-ħabs tal-Castellania sakemm seta’ jitla’ fuq bastiment li jieħdu fl-istati Barbariċi.
Dan il-bini kellu sehem ukoll fil-pjaga tal-pesta li ħakmet lill-Gżejjer Maltin fl-1813. Il-morda kienu jiġu iżolati, filwaqt li l-binjiet li fihom kien ikun hemm il-mases tan-nies bħat-teatru u l-knejjes kienu ngħalqu. Il-Castellania kienet ingħalqet ukoll u ma nfetħitx sal-1814, hekk kif il-pesta bdiet tbatti ftit. Iżda jidher li fil-ħin li l-qorti għamel wieqaf, kellu jagħmel sessjonijiet ta’ emerġenza b’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-pesta stess.
Fost l-oħrajn, il-gvern kien ordna bosta regolamenti tas-sanità sabiex jipprova jżomm din il-marda milli tinfirex. F’Awwissu tal-1813 il-gvern iddikjara li se tingħata s-sentenza tal-mewt lil min jaħbi li huwa infettat bil-pesta, jew inkella jekk ikun seraq xi affarijiet li jaf ikunu infettati, jew li biddel ir-residenza mingħajr il-liċenzja tal-Kunsill tas-Saħħa.
Kien Antonio Borg li daq il-mirra ta’ din il-miżura, hekk kif kien ġie skopert li dan l-individwu kellu l-pesta u ma qalx lill-awtoritajiet b’dan kollu. Huwa ngħata s-sentenza tal-mewt, sabiex, għal darb’oħra, jservi ta’ eżempju għal min jitħajjar jagħmel bħalu.
Iżda l-karriera tal-Castellania jidher li kienet ħa tiġi fi tmiemha fl-1840 meta l-bini beda jitqies mhux kbir biżżejjed għall-funzjoni tiegħu. Barra minn hekk, sabiex ikun hemm il-qrati kollha kkonċentrati f’post wieħed, dawn tressqu eventwalment, sal-Auberge d’Auvergne. Dan aktar tard sar magħruf bħala l-Palazz tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Wara dan kollu ma tantx instab użu għal dan il-bini – b’hekk għamel xi ftit taż-żmien iservi użu differenti. Kien fl-1885 li l-post ħa s-sede tal-Kap tal-Gvern għall-Mediċina u l-Ispettur tal-Isptarijiet, li fost l-irwoli li kellu kien hemm li jwassal pariri lill-Kap tal-Gvern dwar dak li qed jiġri fis-settur tas-saħħa, kif ukoll li jagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa.
Ftit tas-snin u tat-tibdiliet wara, u l-Castellania sar l-Uffiċċju Prinċipali tad-Dipartiment tas-Settur tas-Saħħa fl-1896. Eventwalment, meta Malta ħadet rajha b’idejha fl-1921, Castellania sar ukoll il-Ministeru tas-Saħħa – funzjoni li għad għandu sal-lum il-ġurnata.