Il-Maltin huma l-aktar persuni li jbatu mill-obeżità fl-Unjoni Ewropeja, rapport mill-World Health Organisation (WHO) jiżvela.
Ir-rapport jgħid li filwaqt li l-pajjiżi Ewropej qed jagħmlu progress biex inaqqsu mwiet kawża ta’ kanċer, dijabete, mard kardjovaskulari u respiratorji; hemm “rati allarmanti” ta’ konsum ta’ alkoħol u tipjip.
Fil-fatt, fl-Ewropa, 59% tal-popolazzjoni Ewropeja tbati minn obeżità jew piż żejjed, filwaqt li tlieta minn kull għaxra jpejpu. Skont ċifri tal-2010, persuna Ewropeja tixrob medja ta’ 11-il litru alkoħol fis-sena.
Ir-rapport spjega kif minkejja li l-medja ta’ kemm huma mistennija jgħixu n-nies (life expectancy rate) żdiedet għall-massimu ta’ 82 sena f’pajjiżi bħal Franza, Italja u Spanja, dan il-progress jista’ jiġi mxekkel jekk mhux se jiġu indirizzati r-rati għolja ta’ tipjip, alkoħol, u piż żejjed fost l-adulti Ewropej.
Skont il-figuri tal-WHO, l-pajjiżi Ewropej huma l-aktar fid-dinja li jikkonsmaw alkoħol u li jpejpu, filwaqt li l-Amerika jibqa’ l-aktar reġjun b’persuni jbatu minn obeżità u piż żejjed.
Malta għandha l-ikbar proporzjon ta’ adulti jbatu minn obeżità fl-Unjoni Ewropeja, bl-Andorra u t-Turkija fl-ewwel u t-tieni post rispettivament.