3 proġetti u €3 miljuni fi 3 snin f'Birżebbuġa
L-ILLUM tħares lejn il-proġetti li għaddejjin bħalissa fil-lokalità l-aktar fin-nofsinhar tal-pajjiż
minn Albert Gauci Cunningham
Xi darba, Birżebbuġa kienet lokalità sinonima biss mas-sajd, il-kwiet u l-Bajja s-Sabiħa. Mas-snin iżda, speċjalment fis-snin disgħin, din il-lokalità kien industrijalizzata l-aktar minħabba l-bini ta’ Freeport, direttament faċċata, u t-tkabbir tiegħu iktar riċenti, biex ġie dejjem eqreb tal-kosta. Ir-residenti ta’ Birżebbuġa li llum ilaħħqu l-eluf kellhom u għadhom jgħixu taħt l-istorbju tal-ajruplani, maġenb tankijiet taż-żejt u tal-gass, taħt id-dell tal-Freeport u bieb u għatba ma’ Power Station.
Minkejja dan, l-iżvilupp biex jittejjeb l-ambjent u l-infrastruttura f’din il-lokalità tant kien nieqes li saħansitra Franco Debono, fl-2012, dakinhar Deputat Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni biex ikun inidirizzat dak li iddeskriva bħala “defiċit ambjentali perikoluż u defiċit infrastrutturali preokkupanti, riżultat ta’ snin ta’ abbandun.”
Debono kien iddeskriva hekk ż-żona ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk fil-mozzjoni li ressaq nhar it-30 ta’ Awwissu 2012; “iż-żona ġiet sottomessa għal proċess progressiv ta’ industrijalizazzjoni qawwija, u possibilment mhux sostenibbli, mingħajr ma saru sforzi suffiċjenti sabiex jinżamm bilanċ bejn l-industrija emerġenti fiż-żona u s-saħħa u l-benesseri tal-familji u tal-ambjent.”
Minkejja li sakemm ġie xolt il-Parlament għaddew ħames xhur din il-mozzjoni kienet baqgħet fuq l-ixkaffa. Dan anke jekk fl-istess mozzjoni Debono ifakkar illi hu kien ilu jqajjem il-ħtieġa li jsir xi ħaġa f’Birżebbuġa u Marsaxlokk “f’diversi diskorsi ripetuti u interventi f’dan il-Parlament u fil-mezzi tax-xandir u l-istampa, kif ukoll, personalment, mal-Prim Ministru u diversi ministri tal-Gvern.”
Mill-2013, mal-bidla fil-Gvern, il-paġna bdiet tinqaleb u r-rota ddur hekk kif Gvern Laburista nieda diversi proġetti li flimkien kienu se jfissru investiment ta’ €3 miljuni. Il-proġetti maġġuri jkunu piċċ tal-Waterpolo ġdid u grawnd tal-futbol, li fuqhom ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat, it-tneħħija tat-tankijiet tal-gass mid-Depot magħruf bħala l-’31 ta’ Marzu 1979’, il-bini ta’ promenade fil-Qajjenza u l-bini tat-Triq Port Ħieles. Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti qed jistenna il-permessi tal-MEPA jew inkella inbeda diġà.
Minn lokalità kważi politikament minsija, Birżebbuġa bħalissa hija waħda mill-lokalitajiet li fiha qed isiru l-akbar numru ta’ proġetti mill-Gvern ċentrali.
Għalhekk L-ILLUM tat ħarsa ħafifa lejn dawn il-proġetti u fhiex jinsab ix-xogħol bħalissa.
Wara snin ta’ ġerħa...Waterpolo pitch mill-ġdid
Dawk l-eluf kollha li jgħixu jew il-ħafna eluf iktar li jinżlu sa Birżebbuġa jafu li l-piċċ tal-waterpolo kien wieħed mill-akbar ġerħiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta u f’Birżebbuġa. Għal snin twal, il-piċċ tal-waterpolo tħalla mitluq, qed jaqa’ biċċa, biċċa u minflok l-għajjat u l-attività ta’ żgħażagħ jipprattikaw l-isport marbut mal-baħar, spiċċa ħofra ta’ ilma qiegħed, mimli żibel.
Fl-2013 il-Gvern preżenti beda proġett, li issa riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu u li permezz tiegħu Birżebbuġa se jkollha pixxina tal-ilma ħelu li hija kbira 25 metru bi 33 metru. Apparti x-xogħol ta’ tqegħid ta’ madum, żebgħa u l-istallazzjoni ta’ pompi bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-aħħar fażi, jiġifieri l-bini tal-Club House. Din se tinkludi ristorant, changing rooms, latrini pubbliċi u multi-purpose hall. Ladarba jitlesta x-xogħol, din il-pixxina tgħaddi f’idejn il-Birżebbuġa Waterpolo Club u b’hekk din il-lokalità jerġa’ jkollha faċilità tal-waterpolo li jixraqilha u li ilha tistenna ’l fuq minn 10 snin.
Il-pixxina f’Birżebbuġa, li b’kollox tammonta għal investiment ta’ €2 miljuni, se tkun it-tielet piċċ tal-waterpolo tal-ilma ħelu f’Malta. It-tnejn l-oħra huma dik ta’ San Ġiljan u l-Pixxina Nazzjonali f’Tal Qroqq.
Biċċa ċinta u balla trab bħala promenade
X’hemm differenti bejn kull promenade fil-pajjiż u dak tal-Qajjenza? Faċli, tal-Qajjenza ma jeżistix u għal snin twal il-komunità dejjem tikber ta din iż-żona dejjem tqannew b’biċċa ċinta u trab bħala tiżjina mad-dawra tal-baħar.
Minkejja li din iż-żona residenzjali ilha li bdiet tiżviluppa sew mill-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet, b’eluf jgħixu u oħrajn jiftħu negozju żgħir f’din l-akwata, l-investiment kien mill-aktar minimu.
Il-Gvern preżenti permezz tal-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura ħabbar proġett li se jinvolvi promenade li jibda minn ħdejn is-sit fejn kien hemm l-LPG sal-Batterija Ferretti. Il-permess għax-xogħol fuq dan il-promenade mistenni jinħareġ fix-xhur li ġejjin, hekk kif ġiet megħluba problema partikokari dwar il-fatt li parti minnu se jieħu parti żgħira mill-blat fuq il-post.
Sa fl-aħħar...grawnd tal-futbol
Dawk kollha li għexu, żaru jew huma familjari ma’ din il-lokalità fin-naħa t’isfel ta’ Malta jafu illi Birżebbuġa qatt ma kellha grawnd tal-futbol, minkejja li l-Kunsill Lokali fi żmien li kien mmexxi minn Joseph Farrugia (Ir-ricky) għamel diversi talbiet lill-Gvern ċentrali biex it-tali grawnd isir.
Fil-fatt l-istess Kunsill kien kostrett jibni grawnd żgħir fuq ir-ramel f’Bajja s-Sabiħa biex ipatti għan-nuqqas komplet ta faċilitajiet sportivi.
Gvern Laburista beda proġett ta’ grawnd tal-futbol, li x-xogħol tiegħu miexi sew fuq in-naħa ta’ wara tal-lokal.
Dan il-grawnd se jiswa b’kollox €1.4 miljun u se jkun qed jaqdi l-bżonnijiet, mhux biss ta’ dawk li se jilgħabu l-futbol, imma wkoll tal-plejers tar-rugby. Il-proġett kollu jinkludi l-bini ta’ żona għall-ispettaturi, klinika, ‘dressing room’ u sala multi-purpose.
Viċin dan il-grawnd il-ġdid qed tinbena mill-ġdid Triq il-Port Ħieles, li fil-verità qatt ma rat laqta’ tajba ta’ tarmak kemm ilha teżisti. It-triq qed tinbena mill-ġdid biex tkun aktar aċċessibbli issa li n-numru ta’ vetturi fiż-żona mistenni jiżdied.
L-akbar ġerħa ambjentali titneħħa sal-2018
Minkejja l-proġetti msemmijin hawn fuq l-akbar kisba għal dan il-Gvern u għan-Nofsinhar tal-pajjiż se tkun it-tneħħija ta’ dik li tista’ titqies bħala l-akbar dnub u ġerħa ambjentali f’Birżebbuġa. Qed nirreferu għat-tankijiet tal-gass fid-Depot msejħa l-‘31 ta’ Marzu 1979’.
Dawn it-tankijiet ilhom għal snin twal mhux biss ġerħa, għax ikerrhu d-dehra taż-żona, imma wkoll periklu mill-aktar serju għar-residenti tal-madwar. Dan apparti li ż-żona u t-toroq tal-madwar ġieli għexu taħt ‘sħaba’ ta’ rwejjaħ matul ċerti ħinijiet tal-ġurnata.
Il-Gvern permezz tal-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa qed jaħdmu biex dan id-Depot jitneħħa. Fil-fatt, il-pjanijiet huma li sal-2018 dan ikun ingħalaq u minfloku jinfetaħ impjant simili f’Ħas-Saptan, lil hinn minn żona residenzjali.
Matul l-2015 l-istess Ministeru tefa’ applikazzjoni quddiem il-MEPA li mmarkat il-bidu ta’ dan il-proċess kif ukoll biex jinbeda xogħol fuq faċilitajiet diġa eżistenti.
S’issa għadu mhux magħruf x’se jsir mill-art konsiderevoli li se titħalla vojta wara l-għeluq ta’ dan l-impjant ta’ dannu għar-residenti. Wieħed jittama li l-vojt, jew parti minnu, jintuża biex tingħata xi forma ta’ kumpens ambjentali lil dawk li llum, meta jiftħu t-twieqi ta’ djarhom, jaraw tank taż-żejt ma’ wiċċhom.
X’ippropona Franco Debono fl-2012?
- Fil-mozzjoni li qatt ma ġiet diskussa Debono propona li:
- Jitneħħa b’urġenza l-operat tal-Enemalta msejjaħ ‘31 ta’ Matzu 1979’
- Li l-Power Station għandha titħaddem bil-gass jew diesel. Mhux HFO
- Issir ġustizzja mar-residenti ta’ dawn l-inħawi permezz ta’ proġetti ambjentali