Għall-Eurovision ta' din is-sena u l-promozzjoni li tiġi magħha, Malta kellha baġit bla limitu sabiex jiżdiedu ċ-ċansijiet għal Malta u għal Ira Losco sabiex tirbaħ din l-edizzjoni. Dan ġie rrappurtat fil-gazzetta Times of Malta li qalet li fejn is-soltu, il-baġit għal dan il-festival ikun ta' bejn il-€200,00 u t-€300,000, din is-sena kien mijiet ta' eluf ta' ewro iktar minn hekk.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta staqsew għalfejn kien dan, u minn fejn kienu qed jiġu l-flus, ġaladarba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PBS mhix waħda tajba. L-istess sors kompla jgħid li jekk wieħed jgħid li ntefqu man-nofs miljun ewro, ikun ħanin fi kliemu għaliex jidher li l-ammont joqrob it-tripplu ta' dan.
Meta l-istess gazzetta talbu rendikont finanzjarju lil PBS, dawn irrifjutaw minħabba li qalu li huwa kummerċjalment sensittiv li jsir dan.