'Kirjiet tilgħin, drittijiet neżlin'
“għalxejn noqgħodu niftaħru bil-karità, jekk m’aħniex lesti li nikkonċedu lil ċerta individwi dak li għandu jkun tagħhom bi dritt”
Minkejja x-xettiċizmu li seta’ wera dwar għandhomx jiġu kkunsidrati mekkaniżmi ta’ kontroll fuq il-kirjiet ġewwa Malta, l-editur ta’ din il-gażżetta ghandu l-mertu li qajjem realtà importanti ħafna għal min għandu għal qalbu l-ġustizzja soċjali. Il-kontrolli fuq is-suq tal-kera huma suġġett kontrovesjali f’kull pajjiż, u dan għaliex filwaqt li għas-sidien il-proprjetajiet mikrija jirrapprezentaw investimenti importanti, għal min jikri dawn jfissru ħafna aktar minn semplici prodott kummerċjali minħabba li dawn jiffurmaw id-djar taghhom.
Ir-riżultati importanti li Malta qed tikseb fl-ambitu ekonomiku qed ixerrdu perċezzjoni żbaljata li l-ġid jilħaq lill-Maltin kollha, irrispettivament mill-kategorija soċjo-ekonomika li ġejjin minnha. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku ċertament ġab benefiċċji ghall-maġġoranza tal-popolazzjoni, l-istess żgur ma jistax jinghad ghall-persentaġġ ta’ nies li minn ftit snin ilu ’l hawn raw lilhom infushom jiżolqu bil-mod lejn il-faxex l-aktar vulnerabbli tas-socjetà.
Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn ix-xejriet tat-tkabbir fil-prodott gross domestiku minn naħa u l-persentaġġ ta’ nies meqjusa fir-riskju tal-faqar u l-eskluzjoni socjali min-naħa l-oħra, fil-pront joħrog ċar il-fatt li l-espansjoni ekonomika kienet akkumpanjata minn żieda fin-numru ta’ familji li jgħixu f’sitwazzjonijiet prekarji. Għal dawk li dejjem straħu fuq l-assunzjoni qarrieqa li l-progress ekonomiku neċessarjament ikattar il-ġid fil-bwiet ta’ kulħadd, din l-istatistika tista’ tidher giddieba jew inkomprensibbli. Iżda fil-verità hemm spjegazzjoni ċara għaliha, u l-housing jipprovdi wieħed mill-aħjar eżempji.
Kif bosta jafu, f’Malta jeżisti dikotomija evidenti bejn is-sidien ta’ djarhom u l-inkwilini. Dawn tal-ewwel, li jirrappreżentaw il-mainstream tas-soċjetà, għandhom mogħdija sikura fis-sens li wara li jġemmgħu l-ammont neċessarju għad-down payment, huma jibdew igawdu mis-sigurtà tal-fatt li huma proprjetarji ta’ djarhom u li l-pagamenti dovuti lill-bank ikunu fissi u aċċessibbli għalihom.
Tat-tieni, jiġifieri l-inkwilini, mhux talli bosta drabi diġà ma jkollhomx biżżejjed mezzi disponibbli sabiex bank jikkonċedilhom home loan, iżda ladarba jidħlu fis-suq tal-kera huma ma jkollhom l-ebda garanziji la fuq it-tul taż-żmien tal-kirja tagħhom u lanqas fuq il-prezz tal-kera, li t-tnejn jistgħu jiġu liberament deċiżi mis-sid. Ir-regolazzjoni tal-kirjiet hija għalhekk neċessarja għaliex l-imprevedibbiltà tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tolqot lill-inkwilini b’mod ħafna aktar drastiku milli lis-sidien ta’ djarhom. Minn dan il-lat l-intervent tal-leġislatur huwa bla dubju essenzjali sabiex ma jippermettix li dawn il-familji jinqabdu f’xibka li minnha m’hemmx ħruġ.
Mhux dritt iżda saħansitra dover
Meta avviċinat minn din il-gazzetta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie rrappurtat li stqarr li “[i]l-gvern m’għandu l-ebda dritt jindaħal fir-rata ta’ kirjiet kummerċjali”. Din hi affermazzjoni totalment żbaljata u dan għaliex il-Gvern mhux biss għandu d-dritt li jirregola s-suq tal-kiri, iżda għandu saħansitra d-dmir li jintervjeni sabiex jassigura kundizzjonijiet ġusti għal dawk li jiddependu minnu.
Id-dritt jinbet mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem innifisha li filwaqt li tassigura t-tgawdija paċifika tal-proprjetà privata, hija żżid li xejn ma għandu jnaqqas “[i]d-dritt ta’ Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta’ proprjetà skont l-interess ġenerali”. Id-dmir tal-amministrazzjoni li tieħu azzjoni joħroġ min-naħa l-oħra mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali taħt liema l-istat Malti intrabat li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kulħadd għall-akkomodazzjoni adegwata.
Huwa stat ta’ fatt li fi żminijiet riċenti bosta sidien Maltin ingħataw raġun quddiem il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem minħabba r-rigorożità tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kirjiet “l-antiki”, jiġifieri dawk maqbula qabel l-1995. Tajjeb li jingħad, iżda, li l-Qorti sabet lill-iStat Malti ħati ta’ vjolazzjoni għaliex dawn is-sidien bilkemm jirċievu 10% tal-prezz li bih jistgħu jikru l-proprjetàjiet tagħhom fuq is-suq ħieles (u dan anke minkejja l-emedi tal-2010).
Madakollu, huwa assolutament żbaljat il-ħsieb li xi Qorti qatt stabbiliet id-dritt tas-sidien għar-rata kummercjali sħiħa, jew impediet xi Stat milli jieħu azzjoni favur il-membri l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Ikun min-naħa l-oħra paradossali, jekk mhux saħansitra assurd, kieku f’dan il-pajjiz nispiċċaw nużaw id-drittijiet tal-bniedem biex insaħħu l-pożizzjoni tal-proprjetarju u nxejnu dik tal-inkwilin.
Mekkaniżmi kalibrati tajjeb
Tajjeb jiġi rrimarkat li l-mekkaniżmi ta’ kontroll li qed jiġu applikati fil-pajjiżi Ewropej mhumhiex intiżi li jiffriżaw il-kirjiet jew li jagħtu xi dritt perpetwu lill-inkwilin li jibqa’ jokkupa dik il-proprjetà. Kif Yana Mintoff korrettement semmiet fil-kummenti tagħha, il-mudell applikat fil-Ġermanja (fejn saħansitra 50% tal-familji jgħixu fil-kera) ifittex li jilqa’ għall-għoli bla rażan tal-kirjiet billi jipprojbixxi żidiet ’il fuq minn 20% fuq medda ta’ 3 snin (għalkemm f’ċerti reġjuni r-rata tnaqqset għal 10%). Klawsola bħal din setgħet evitat is-sitwazzjoni li qed naraw isseħħ quddiem għajnejna f’Malta fejn f’ċerti lokalitajiet il-kirjiet saħansitra rduppjaw minn sena għal oħra.
Aktar preokkupanti huwa l-fatt li din il-problema hija destinata li tikber jekk ma tiġix indirizzata f’waqtha. Il-periklu maġġuri hu li jekk l-amministrazzjoni tkompli tkaxkar saqajha fuq din il-kwistjoni, il-miżuri li l-gvern ikun eventwalment marbut li jieħu jkollhom ikunu ħafna aktar estremi minn dawk li qed jiġu proposti llum.
Ċertament, aktar ma jmur aktar din id-diskussjoni se tikber. Importanti li ma nersqux lejha b’ton ta’ konfront jew diviżjoni, anzi, pjuttost għandna nuzaw din l-opportunita’ sabiex inħarsu ‘l ġewwa u nfittxu dak li verament isawwarna bħala poplu. Fuq kollox għandna nifhmu li għalxejn noqghodu niftaħru bil-karità, jekk m’aħniex lesti li nikkonċedu lil ċerta individwi dak li għandu jkun tagħhom bi dritt.