Ftehim bejn Malta u l-Kambodja għall-addozzjoni tat-tfal

...Malta se tkun fost l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li se tibda ġġib tfal mill-Kambodja

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u l-Ministru għall-Affarijiet Soċjali, Anzjani u Żgħażagħ tal-Kambodja Vong Sauth iffirmaw Memorandum of Understanding bejn iż-żewg pajjiżi dwar l-adozzjonijiet tat-tfal.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia qal illi dan huwa pass ieħor ’il quddiem fis-settur. Huwa spjega kif bħal dan iż-żmien sena ilu, kien huwa stess li ltaqa’ mal-awtoritajiet tal-Kambodja sabiex jibda l-proċess fuq l-adozzjonijiet.

Il-Ministru Farrugia qal illi permezz tal-ftehim illi qed jiġi iffirmat illum Malta se tkun mill-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li ġġib tfal għall-adozzjoni mill-Kambodja. Dan wara illi l-Kambodja kienet għalqet il-proċess tal-adozzjonijiet ma’ pajjiżi oħra fis-sena 2011.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Soċjali tal-Kambodja Vong Sauth qal illi l-proċess tal-adozzjonijiet kien ingħalaq minħabba li kien hemm il-problemi speċjalment dwar traffikar ta’ tfal. Il-Ministru Vong Sauth irringrazzja lil Ministru Farrugia tal-koperazzjoni li nibtet bejn iż-żewġ pajjiżi u qal illi kif il-proċessi jkunu lesti Malta se tkun minn tal-ewwel li tadotta tfal mill-Kambodja. Il-Ministru Sauth qal illi l-Kambodja qed tiffirma dan il-ftehim ma’ Malta, kif ukoll ma’ Spanja u l-Italja.

Huwa ikkonkluda billi qal illi l-adozzjonijiet huma prijorità għall-Ministeru li jmexxi u għalhekk qed jaħdem biex jara illi tfal Kambodjani ikunu jistu’ isibu futur aħjar f’pajjiżi oħra fejn hemm familji li lesti li jieħdu r-responsabbiltà tagħhom.

 

More in Socjali