Il-bust tal-Granmastru Carafa lura f’postu fuq il-bieb ewlieni tal-Berġa tal-Italja

Il-bust tal-Granmastru Carafa lura f’postu wara li jitlesta x-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Berġa tal-Italja

Il-bust tal-Granmastru Carafa lura f’postu fuq il-bieb ewlieni tal-Berġa tal-Italja
Il-bust tal-Granmastru Carafa lura f’postu fuq il-bieb ewlieni tal-Berġa tal-Italja

Il-bust tal-bronż tal-Granmastru Gregorio Carafa reġa’ sab postu fuq il-bieb ewlieni tal-Berġa tal-Italja. Dan hekk kif Heritage Malta lestiet xogħol ta’ restawr fuq dan il-bust kif ukoll fuq il-faċċata ta’ din il-berġa

Il-konservazzjoni tal-bust saret mir-restawraturi ta’ Heritage Malta, filwaqt li x-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċata sar minn AX Construction taħt is-superviżjoni ta’ DTR Architects u Heritage Malta. Dan ix-xogħol sar bi tħejjija għal meta l-Belt Valletta tkun il-belt kapitali Ewropea fl-2018 kif ukoll jifforma parti mill-pjan biex fl-istess sena din il-binja tospita l-mużew il-ġdid tal-arti, il-MUŻA.

Il-Kuratur Alexander Debono, leader tal-proġett MUŻA, u l-Perit Veronica Bonello, Projects Manager ta’ Muża, taw dettalji dwar ix-xogħol ta’ restawr li sar fuq il-bust u l-faċċata tal-Berġa tal-Italja. Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm ukoll iċ-Ċermen ta’ Heritage Malta, Dr Joseph Buttigieg, u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Sur Jason Micallef.

Il-Perit Bonello, spjegat kif f’ċerti postijiet tal-irħam kellhom jiġu msaħħin biex l-istruttura kollha tiġi preservata mingħajr ma jintilfu ebda dettalji. It-tindif sar b’reqqa u kien applikat il-‘paper pulp’ u kimika oħra adattata biex titneħħa s-swidija li akkumulat maż-żmien. F’ċerti partijiet il-proċess ta’ tindif kien ripetut iktar minn darba.

Xogħol ieħor ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Berġa tal-Italja kien jirrikjedi bdil ta’ xi ġebel. It-tibdil kien wieħed minimu u l-ġebel li nbidel kien fi stadju avvanzat ta’ deterjorazzjoni. Inbiddlu wkoll it-tliet vażuni fuq il-bieb prinċipali kif ukoll saret għażla bir-reqqa wara riċerka estensiva tal-kulur taż-żebgħa applikat fuq l-aperturi. Ir-riċerka li saret fuq dan ix-xogħol kienet dokumentata u miżmuma għal referenzi li jistgħu jsiru għaliha fil-ġejjieni.

Il-Berġa tal-Italja
Il-Berġa tal-Italja

Fil-preżentazzjoni tiegħu l-kuratur Debono qal li dan huwa l-bidu ta’ vjaġġ li se jwassal sal-2018 u iktar ‘il quddiem. L-għan huwa li l-proġett ikun għall-komunita, fejn il-pubbliku ta’ kull etá jista’ jipparteċipa billi jkunu pprovduti l-għodod meħtieġa għall-komunikazzjoni u qsim tal-ideat.

Huwa qal ukoll li l-proġett miexi skont il-pjan wara li fl-2014 intgħażlu wkoll ir-rebbieħa għad-disinn kompost minn tim internazzjonali. Dan it-tim qed jaħdem id f’id ma’ Heritage Malta. MUŻA se tkun tliet darbiet ikbar mill-Mużew Nazzjonali tal-Arti preżenti li jinsab fi Triq Nofsinhar il-Belt Valletta.

Għal iktar tagħrif dwar il-MUŻA u avvenimenti ta’ Heritage Malta wieħed jista’ jżur il-websajt, www.heritagemalta.org, jew isegwi l-paġna uffiċjali fuq Facebook kif ukoll jista’ jżur il-blog, muza.heritagemalta.org

More in Socjali